Malta se tkun qed tikteb paġna ġdida fl-istorja tal-isport inklużiv meta bejn l-10 u l-14 ta’ Settembru 2026 tospita l-ewwel edizzjoni tal-Special Olympics European Swimming Open. Il-kompetizzjoni se ssir fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u se tlaqqa’ flimkien aktar minn 400 atleta minn madwar 40 pajjiż Ewropew.
Matul it-tnedija uffiċjali tal-avveniment tħabbru wkoll diversi inizjattivi li se jakkumpanjaw il-logħob. Fosthom se jkun hemm villaġġ sportiv li jinkludi kompetizzjoni tal-Boċċi għal aktar minn 200 atleta, programm ta’ screening Healthy Athletes mifrux fuq sitt oqsma differenti, kif ukoll festival tal-Motor Activity Training Program (MATP), organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Sapport, li se jinvolvi madwar 500 atleta.
Il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, qalet li l-logħob qed jinbena madwar il-messaġġ “Beyond the Wave”, li għandu jwassal messaġġ ta’ tama u opportunità lill-atleti kollha. Hija sostniet li minkejja l-isfidi li dawn il-persuni jaffaċċjaw kuljum, għandhom futur mimli possibbiltajiet. Saħqet ukoll li meta s-soċjetà tingħaqad tista’ toħloq bidla pożittiva u tibni komunità aktar inklużiva u ġusta għal kulħadd.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia qalet li Special Olympics Malta hija eżempju konkret ta’ kif l-inklużjoni titwettaq permezz ta’ azzjonijiet reali. Hija enfasizzat l-investiment kontinwu tal-Gvern biex persuni b’diżabilità jkollhom aktar opportunitajiet fil-qasam sportiv u soċjali, filwaqt li sostniet li Malta qed tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha bħala pajjiż li jippromwovi l-inklużjoni fuq livell internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri qal li dan il-moviment imur ferm lil hinn mir-rebħ tal-midalji, hekk kif l-isport għandu l-kapaċità li jibni l-kunfidenza, isaħħaħ il-karattru u jgħin lill-individwi jiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja b’reżiljenza akbar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Special Olympics, David Evangelista, irringrazzja lill-Gvern Malti għall-appoġġ qawwi tiegħu lejn il-moviment, filwaqt li faħħar lil Malta talli se tkun l-ewwel pajjiż li jospita avveniment internazzjonali tal-għawm ta’ dan il-livell taħt il-bandiera ta’ Special Olympics.
Aktar informazzjoni dwar il-logħob, kif ukoll dwar opportunitajiet ta’ volontarjat, tista’ tinkiseb mis-sit ta’ Special Olympics Malta. http://www.specialolympicsmalta.org













