Il-Foss ta’ Ħaż-Żabbar se jerġa’ jinbidel f’ċentru ta’ divertiment u attivitajiet kulturali hekk kif fit-3 u l-4 ta’ Lulju se tittella’ edizzjoni oħra taż-Żabbar Beer Fest.
L-avveniment se jsir fiż-żona tal-Foss biswit Bieb is-Sultan u se joffri programm mimli mużika, divertiment u attivitajiet għall-familja. Din is-sena, il-festival se jagħti importanza partikolari lis-sostenibbiltà, wara li l-Foss ta’ Notre Dame ġie mnaddaf u rriġenerat permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Waqt it-tnedija tal-avveniment, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li din l-inizjattiva turi kif il-kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet tista’ tagħti ħajja ġdida lil spazji pubbliċi u tagħmilhom aktar aċċessibbli għall-komunità. Hija enfasizzat ukoll l-importanza tal-investiment fil-manutenzjoni u l-indafa biex jitjiebu l-kwalità tal-ħajja u l-użu tal-ispazji miftuħa.
Il-President tas-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae, Mario Aquilina, spjega li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun akbar minn dawk ta’ qabel grazzi għall-appoġġ tal-Gvern u tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Fuq il-palk se jitilgħu diversi artisti internazzjonali u lokali. Il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju, il-festival se jilqa’ lid-DJ Ġermaniż magħruf ATB, filwaqt li s-Sibt 4 ta’ Lulju se jkun iddedikat għall-mużika rock bil-prestazzjoni tal-band Achtung Babies, magħrufa bħala waħda mill-aqwa tribute bands ta’ U2 fid-dinja.
Se jieħdu sehem ukoll artisti u DJs Maltin popolari fosthom Tenishia, Clay C, Ziggy, Memphis Mac, Pierre Cordina, Cathy K u Sussu.
Minbarra l-mużika, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn attivitajiet interattivi u żona apposta għat-tfal. Bħala parti mill-impenn ambjentali tal-festival, se jiġu introdotti tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw biex jitnaqqas l-iskart.
Iż-Żabbar Beer Fest qed jiġi organizzat b’risq Puttinu Cares. L-attivitajiet jibdew mis-7.00pm fiż-żewġ serati u d-dħul huwa bla ħlas.










