Il-Valletta Local Food Festival se jerġa’ jieħu l-ħajja fil-qalba tal-Belt Valletta b’edizzjoni speċjali li se ssir bejn it-3 u l-5 ta’ Lulju 2026 fi Pjazza San Ġorġ. Matul tlett ijiem, il-pubbliku se jkollu l-opportunità jgawdi minn esperjenza ddedikata lill-ikel lokali, il-prodotti tradizzjonali u l-kultura Maltija.
L-avveniment qed jiġi organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta flimkien mal-Malta Food Agency, b’programm li se jlaqqa’ flimkien produtturi, koki u artiġjani tal-ikel minn madwar il-pajjiż. Din l-edizzjoni mistennija toffri aktar għażliet u varjetà akbar ta’ prodotti u togħmiet lokali.
Il-Ministru għall-Kultura Malcolm Paul Agius Galea sostna li festivals bħal dawn jgħinu biex il-kultura tkun aktar aċċessibbli filwaqt li jsaħħu l-ekonomija kulturali u jappoġġjaw lill-produtturi u n-negozji żgħar Maltin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li l-festival huwa ċelebrazzjoni tal-identità Maltija u jkompli jibni fuq il-ħidma ta’ riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika li għaddejja fil-Belt Valletta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency Brian Vella enfasizza l-importanza tal-produtturi lokali fis-sistema tal-ikel Maltija u spjega li l-festival joffri pjattaforma importanti biex il-pubbliku japprezza u jiskopri l-kwalità tal-prodotti Maltin u Għawdxin.
Sadanittant, iċ-Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency John Justin Camilleri qal li l-avveniment huwa eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn il-gvern, il-produtturi u l-industrija tista’ twassal għal inizjattivi li jġibu benefiċċji konkreti kemm għas-settur tal-ikel kif ukoll għall-komunità.
Din is-sena, il-festival se jlaqqa’ aktar minn 25 produttur lokali, kok u artiġjan tal-ikel li se jippreżentaw firxa wiesgħa ta’ ikel u xorb tradizzjonali Malti.
Il-Valletta Local Food Festival 2026 se jkun bla ħlas u miftuħ għal kulħadd, u joffri opportunità unika biex wieħed jesperjenza mill-qrib il-ġid gastronomiku u kulturali ta’ Malta.











