Bdew xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ fi Ġnien 2000 f’Ħal Għaxaq, b’investiment li għandu l-għan li jagħti ħajja ġdida lil dan l-ispazju pubbliku u jagħmlu aktar modern, sigur u aċċessibbli għar-residenti.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ Ħal Għaxaq Karl Boxall u membri tal-Kunsill Lokali osservaw il-progress tax-xogħlijiet li qed isiru kemm fil-ġnien kif ukoll fiż-żona ta’ madwaru.
Il-proġett se jinkludi diversi interventi biex jitjieb l-użu tal-ispazju. Fosthom hemm it-tneħħija tal-istruttura ċentrali eżistenti sabiex jinħoloq ambjent aktar miftuħ u funzjonali, kif ukoll pavimentar ġdid li se jagħti dehra aktar moderna lill-ġnien. Se jsiru wkoll xogħlijiet infrastrutturali oħra mmexxija mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-Ministru Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett jifforma parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern biex jinvesti fi spazji pubbliċi ta’ kwalità li jtejbu l-esperjenza u l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet lokali. Hija sostniet li spazji bħal dawn huma importanti biex il-familji, it-tfal u l-anzjani jkollhom post sigur u pjaċevoli fejn jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin tagħhom.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Karl Boxall spjega li meta jitlestew ix-xogħlijiet, il-ġnien se jkun aktar attraenti u funzjonali, filwaqt li se jservi aħjar lill-komunità, speċjalment lir-residenti li jgħixu fl-inħawi.
Id-disinn il-ġdid ġie mfassal biex itejjeb l-aċċessibilità għal kulħadd, b’bidliet fil-passaġġi u fl-arranġament tal-ispazji sabiex il-moviment tal-pubbliku jkun aktar faċli u sigur.
Barra minn hekk, il-proġett se jinkludi bankijiet ġodda, sistema moderna ta’ dawl effiċjenti fl-użu tal-enerġija, CCTV għall-aktar sigurtà u tħawwil ta’ pjanti ġodda, biex jinħoloq ambjent aktar komdu, akkoljenti u sostenibbli għall-komunità ta’ Ħal Għaxaq.










