Jayana Chircop, tifla ta’ 11-il sena mill-Iskola Primarja tar-Rabat fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola, ingħatat il-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2026 waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton immexxija mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Il-premju, organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi taħt it-tmexxija ta’ Patri Dijonisju Mintoff, jingħata lil tfal li permezz tal-azzjonijiet tagħhom juru valuri ta’ ġenerożità, solidarjetà u rispett lejn oħrajn.
Jayana ġiet rikonoxxuta għall-appoġġ kontinwu li tagħti lil Cataleya Borg, sieħba tagħha fil-klassi li teħtieġ aktar għajnuna u kumpanija. B’inizjattiva tagħha stess, Jayana tagħmel ħilitha biex Cataleya tħossha milqugħa, inkluża u parti integrali mill-ħajja tal-klassi.
L-għalliema u t-tmexxija tal-iskola nnutaw kif Jayana mhux biss tgħin lil Cataleya fil-ħajja ta’ kuljum, iżda tagħmel ukoll sforz speċjali biex tkun involuta fl-attivitajiet u l-avvenimenti organizzati mill-iskola, sabiex taqsam l-esperjenzi u l-ferħ ma’ sħabha kollha.
Il-ġurija tal-premju qieset dan l-impenn bħala eżempju ċar ta’ kif atti sempliċi ta’ tjubija jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ persuna oħra.
Fl-indirizz tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono faħħret lil Jayana u sostniet li l-ġesti tagħha huma mudell li għandu jispira mhux biss lit-tfal iżda wkoll lill-adulti. Hija enfasizzat li atti żgħar ta’ inkoraġġiment, inklużjoni u għajnuna jistgħu jħallu impatt profond fuq il-ħajja ta’ oħrajn.
Il-President irrikonoxxiet ukoll il-ħidma twila ta’ Patri Dijonisju Mintoff, li matul is-70 sena tas-saċerdozju tiegħu ħadem favur il-valuri tal-inklużjoni, il-ġenerożità u s-solidarjetà.
Għaċ-ċerimonja attendew Jayana u Cataleya flimkien mal-ġenituri u l-għalliema tagħhom, kif ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri u l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon, li kien qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru.













