Il-BBC Concert Orchestra se tkun qed tirritorna Malta għas-seba’ darba konsekuttiva b’kunċert spettakolari li din is-sena se jkun iċċentrat fuq il-mużika immortali ta’ żewġ gruppi li ħallew marka kbira fl-istorja tal-mużika internazzjonali – l-ABBA u l-Bee Gees.
Wara sitt edizzjonijiet li kollha attiraw attendenza qawwija, il-BBC Radio 2 u l-BBC Concert Orchestra reġgħu għażlu lil Malta biex jorganizzaw wieħed mill-akbar avvenimenti mużikali tagħhom. Il-kunċert se jsir is-Sibt 4 ta’ Lulju fil-Fosos tal-Floriana u se joffri spettaklu uniku ta’ lejl wieħed biss.
Is-serata se tkun ippreżentata mill-preżentatur Brittaniku magħruf Rylan Clark u se tlaqqa’ fuq il-palk aktar minn 70 mużiċist tal-BBC Concert Orchestra flimkien ma’ kantanti internazzjonali u l-kantant Malti Kevin Paul Calleja. Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi repertorju mimli suċċessi li għadhom popolari sal-lum, f’atmosfera ta’ divertiment u ċelebrazzjoni għall-familja kollha.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela sostna li avvenimenti ta’ dan il-livell ikomplu jsaħħu l-offerta turistika ta’ Malta u jikkontribwixxu biex il-pajjiż jibqa’ destinazzjoni attraenti matul is-sena kollha. Huwa ħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim sabiex il-fast ferry jibqa’ jopera wara l-kunċert, biex dawk li ġejjin minn Għawdex ikunu jistgħu jattendu l-avveniment kollu mingħajr diffikultà.
Il-Ministru żied jgħid li l-fatt li l-BBC Concert Orchestra qed terġa’ tagħżel lil Malta huwa sinjal ċar tal-fiduċja fil-kapaċità tal-pajjiż li jospita produzzjonijiet internazzjonali ta’ kwalità għolja. Huwa enfasizza wkoll il-benefiċċji ekonomiċi u l-promozzjoni internazzjonali li avvenimenti bħal dawn iġibu magħhom.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Charles Mangion, qal li l-kollaborazzjoni li ilha għaddejja bejn il-MTA u l-BBC hija xhieda tal-fiduċja li teżisti f’Malta bħala destinazzjoni ideali għal avvenimenti ta’ klassi internazzjonali.
Ritratti: DOI / Ministeru għat-Turiżmu (MFT).












