L-Uffiċjali tal-Komunità tal-LESA reġgħu bdew il-Beach Patrols tagħhom fuq numru ta’ bajjiet popolari madwar Malta, bħala parti minn inizjattiva li għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ is-sigurtà, l-indafa u l-bon ordni matul ix-xhur tas-sajf.
L-inizjattiva, li tnediet mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield, se tkun għaddejja mill-4 ta’ Lulju sat-30 ta’ Awwissu. Il-patrols se jkunu attivi kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u fil-Festi Pubbliċi bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija fuq diversi bajjiet madwar il-pajjiż.
Fost il-lokalitajiet li se jkunu koperti hemm il-Għadira, Għajn Tuffieħa, Golden Bay, Buġibba Perched Beach, Qawra Point, St George’s Bay f’San Ġiljan, Balluta Bay, Fond Għadir, il-Fajtata, il-Bajja ta’ San Tumas, Pretty Bay u St George’s Bay f’Birżebbuġa.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Bedingfield qal li l-Gvern qed ikompli jinvesti f’miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u joffru aktar serħan il-moħħ lill-familji, lir-residenti u lill-viżitaturi. Huwa spjega li l-għan ewlieni tal-Beach Patrols mhuwiex biss l-infurzar tar-regoli, iżda wkoll il-prevenzjoni, l-għajnuna lill-pubbliku u l-promozzjoni ta’ użu responsabbli tal-ispazji pubbliċi.
Matul dawn il-patrols, l-Uffiċjali tal-Komunità tal-LESA se jkunu qed jipprovdu assistenza lill-pubbliku, jagħtu informazzjoni dwar ir-regolamenti u l-miżuri ta’ sigurtà fil-bajjiet, kif ukoll jgħinu lil dawk li jkollhom bżonn gwida jew appoġġ.
Il-Ministru rringrazzja lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, lir-Red Cross, lill-lifeguards u lill-entitajiet kollha involuti għall-kollaborazzjoni tagħhom, filwaqt li faħħar ukoll id-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-Uffiċjali tal-Komunità tal-LESA.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores, qal li l-esperjenza tal-aħħar snin uriet kemm il-preżenza tal-uffiċjali fil-bajjiet hija ta’ benefiċċju għall-pubbliku. Huwa spjega li l-ħidma tagħhom tiffoka fuq kuntatt dirett man-nies, assistenza immedjata u prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà jew l-esperjenza ta’ dawk li jżuru l-bajjiet.
L-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex igawdi l-bajjiet b’mod responsabbli, jirrispetta l-ambjent u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-lifeguards u tal-awtoritajiet sabiex il-kosta Maltija tibqa’ sigura, nadifa u aċċessibbli għal kulħadd.
Ritratti: MHS/DOI










