Proġett kulturali ġdid bl-isem ta’ Malta Tells se jagħti ħajja ġdida lill-pjazez u l-ispazji pubbliċi madwar Malta u Għawdex permezz ta’ gallarija tradizzjonali Maltija li se tinbidel f’palk għal produzzjonijiet artistiċi u teatrali. L-inizjattiva għandha l-għan li tressaq il-kultura aktar qrib in-nies filwaqt li tiċċelebra l-istorja, il-wirt u l-karattru uniku tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, żaret il-ħidma li għaddejja fuq il-kostruzzjoni tal-gallarija, struttura mobbli li se tkun qed iddur minn lokalità għal oħra biex tospita attivitajiet kulturali differenti. Il-Ministru enfasizzat l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn biex l-ispazji pubbliċi jintużaw b’mod aktar attiv u biex il-komunitajiet ikollhom aktar opportunitajiet jiltaqgħu madwar il-kultura u l-arti.
Hija sostniet li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol kruċjali fil-ħajja tal-komunitajiet u li proġetti bħal Malta Tells jgħinu biex il-lokalitajiet isiru ċentri ta’ attività kulturali li jsaħħu l-identità tagħhom u jattiraw aktar nies biex japprezzaw il-karatteristiċi distintivi ta’ kull raħal u belt.
Id-Direttur Artistiku tal-proġett, Ryan Galea, spjega li l-gallarija Maltija ġiet magħżula bħala s-simbolu ewlieni tal-inizjattiva minħabba r-rabta qawwija tagħha mal-identità nazzjonali. Minn fuqha se jitwasslu produzzjonijiet interattivi li jirrakkontaw stejjer marbuta mal-ħajja ta’ kuljum, it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija.
Barra mill-element teatrali, il-proġett se jinkludi wkoll installazzjonijiet artistiċi, kontenut awdjoviżiv u elementi diġitali li se jkomplu juru l-wirt storiku u l-attrazzjonijiet tal-lokalitajiet li se jżur. B’dan il-mod, kull komunità se jkollha l-opportunità tirrakkonta l-istorja tagħha b’mod kreattiv u aċċessibbli.
Malta Tells huwa maħsub ukoll biex iħeġġeġ lir-residenti u lill-viżitaturi jesploraw aktar lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin, filwaqt li jikkontribwixxi għal distribuzzjoni aktar mifruxa tal-attività kulturali u turistika madwar il-pajjiż.












