Hekk kif toqrob il-festa titulari ta’ San Sebastjan Martri, il-komunità ta’ Ħal Qormi qed tgħix b’entużjażmu kbir il-mument tant mistenni tar-ritorn tal-istatwa titulari fil-Knisja Arċipretali wara intervent estensiv ta’ restawr u konservazzjoni.
Wara l-festa liturġika li saret f’Jannar li għadda, l-istatwa u l-pedestall tagħha ttieħdu għand l-induratur Horace Farrugia biex isirilhom xogħol metikoluż ta’ restawr. F’dan il-proġett ta’ valur artistiku u patrimonjali kkontribwixxa wkoll l-artist Michael Camilleri Cauchi, filwaqt li matul l-istess perjodu saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq in-niċċa tal-istatwa grazzi għall-impenn volontarju ta’ diversi membri tal-komunità.
L-istatwa titulari, xogħol l-iskultur rinomat Ġorġ Borg, hija meqjusa bħala waħda mill-aktar opri artistiċi u devozzjonali importanti tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan u tal-lokalità ta’ Ħal Qormi.
Ir-ritorn tagħha se jsir nhar il-Ħamis 9 ta’ Lulju 2026 permezz ta’ programm speċjali li se jiġbor flimkien lill-parruċċani u d-devoti. L-attivitajiet jibdew fis-7:30 p.m. fi Triq Ġorġ Borg, fejn se tasal l-istatwa u ssir iċ-ċerimonja uffiċjali li timmarka t-tlestija tar-restawr. Minn hemm tibda purċissjoni lejn il-Knisja Arċipretali permezz ta’ diversi toroq prinċipali tal-lokalità.
Il-purċissjoni se tkun akkumpanjata mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, filwaqt li mal-wasla tal-istatwa fil-knisja, l-Għaqda tan-Nar San Sebastjan Martri se ssellem l-okkażjoni b’salut tal-festa. Madwar 80 reffiegħ, flimkien mal-membri tas-Sodalità ta’ San Sebastjan u l-għaqdiet tal-festa, se jieħdu sehem f’dan l-avveniment memorabbli.
Għall-ħabta tad-9:15 p.m., il-vara titulari mistennija tidħol fil-Knisja Arċipretali, fejn tintlaqa’ b’ċelebrazzjoni solenni li tinkludi l-kant tal-Antifona u l-Barka Sagramentali bis-sehem tal-Kor Parrokkjali In Domino Speravi.
Ritratti: Charles Saliba












