Is-sajf f’Malta huwa wieħed mill-aktar staġuni mistennija tas-sena. Mal-wasla tax-xhur sħan, il-gżejjer Maltin jimtlew b’attività, kulur u ħajja, hekk kif eluf ta’ Maltin u viżitaturi jgawdu dak kollu li għandu x’joffri l-arċipelagu tagħna.
Il-bajjiet u l-kosti Maltin isiru ċ-ċentru tal-attività matul dawn ix-xhur. Minn Għadira u Golden Bay sa Ramla l-Ħamra f’Għawdex, il-baħar ċar u t-temp sabiħ jattiraw familji, għawwiema u dilettanti tal-isports marittimi. Il-promenades u l-pjazez ukoll jimtlew b’nies li joħorġu filgħaxijiet biex igawdu l-atmosfera tas-sajf.
Madankollu, is-sajf Malti huwa ħafna aktar minn sempliċement baħar u xemx. Matul dawn ix-xhur jiġu organizzati għadd kbir ta’ avvenimenti kulturali, artistiċi u mużikali. Fost l-aktar avvenimenti popolari nsibu l-Malta Jazz Festival, Isle of MTV Malta, Dance Festival Malta, il-Farsons Beer Festival u l-Valletta Pageant of the Seas, li kull sena jiġbdu eluf ta’ spettaturi apparti l-bosta kunċerti li saru jsiru fosthom illejla mill-kantant popolari Michael Bublé.
Tradizzjoni oħra li tagħti karattru partikolari lis-sajf huma l-festi tal-irħula u l-bliet Maltin. Kważi kull tmiem il-ġimgħa, lokalità differenti tkun qed tiċċelebra l-festa tal-patrun tagħha b’marċi tal-baned, wirjiet tan-nar, attivitajiet reliġjużi u dekorazzjonijiet spettakolari li juru l-identità u l-kburija tal-komunitajiet lokali.
Għal dawk li jħobbu l-kultura u l-istorja, is-sajf joffri wkoll opportunità biex iżuru l-mużewijiet, il-palazzi storiċi u s-siti patrimonjali li jinsabu mxerrdin madwar Malta u Għawdex. Diversi minn dawn is-siti jorganizzaw attivitajiet speċjali u wirjiet fil-beraħ li jagħmlu l-esperjenza aktar interessanti.
Is-sajf f’Malta jibqa’ staġun li jgħaqqad il-mistrieħ, il-kultura, it-tradizzjoni u d-divertiment, u li jkompli jsaħħaħ l-appell tal-pajjiż tagħna kemm fost il-Maltin kif ukoll fost il-viżitaturi minn madwar id-dinja.








