L-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA) kisbet kwartieri ġodda wara li ġiet allokata l-binja tal-eks Ċentru tal-Eżamijiet ta’ Sant’Iermu, li fil-futur se tinbidel f’ċentru nazzjonali modern iddedikat għall-arti performattiva.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Ramon Deguara, u minn Mro Dominic Galea f’isem NAPA, fil-preżenza tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici u l-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea.
Waqt l-attività, il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan il-proġett huwa investiment importanti fl-infrastruttura kulturali tal-pajjiż u se joffri lill-artisti u lill-organizzazzjonijiet kulturali spazju professjonali li jinkoraġġixxi l-kreattività, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea enfasizza li l-kultura teħtieġ mhux biss talent iżda wkoll l-ispazji u l-opportunitajiet meħtieġa biex tkompli tikber. Huwa qal li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-kreattività u fil-futur kulturali ta’ Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ NAPA, Mro Dominic Galea, spjega li ċ-ċentru l-ġdid se jkun ħafna aktar minn binja amministrattiva. Huwa qal li l-għan huwa li tinħoloq dar permanenti għall-arti performattiva fejn it-teatru, iż-żfin u l-mużika jkunu jistgħu jiżviluppaw flimkien f’ambjent professjonali u kollaborattiv.
Sadanittant, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, irrimarka li dan il-proġett huwa konformi mal-viżjoni tal-Istrateġija Kulturali 2030. Huwa spjega li s-settur ilu jisħaq fuq il-bżonn ta’ spazji adegwati għar-rehearsals u l-ħolqien artistiku, u li dan l-investiment se jgħin biex ikompli jissaħħaħ il-livell professjonali tal-arti performattiva f’Malta.
Il-proġett se jippreserva l-karattru storiku tal-binja filwaqt li jagħtiha funzjoni ġdida. Fost il-faċilitajiet ippjanati hemm studios professjonali għar-rehearsals, spazji għaż-żfin, it-teatru u l-mużika, kmamar għal-laqgħat, faċilitajiet tekniċi u ta’ riabilitazzjoni, uffiċini amministrattivi kif ukoll spazji għall-edukazzjoni, workshops u inizjattivi għall-komunità.
Meta jitlesta, iċ-ċentru se jservi bħala bażi għall-kumpaniji kulturali nazzjonali residenti fosthom Teatru Malta, KorMalta u ŻfinMalta, filwaqt li jħeġġeġ aktar kollaborazzjoni bejn artisti, organizzazzjonijiet kulturali, istituzzjonijiet edukattivi u msieħba internazzjonali.











