L-Għaxaq Music Festival 2026 tħabbar uffiċjalment waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Malcolm Paul Agius Galea u l-Ministru għat-Turiżmu Joe Etienne Abela. Din is-sena, il-festival se jkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq u se joffri programm li jgħaqqad sport, mużika internazzjonali u talent Malti.
L-attivitajiet jibdew nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju b’xandira diretta tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fuq skrin ġgantesk fil-Grounds ta’ Ħal Għaxaq. Il-post se jinbidel f’fan zone b’ikel, bars, divertiment għat-tfal u atmosfera festiva għall-familja kollha. Is-serata tibda b’mużika minn DJ Pierre Cordina, filwaqt li d-dħul ikun kompletament bla ħlas.
Nhar il-21 ta’ Lulju, il-festival jilqa’ lill-grupp leġġendarju Taljan Ricchi e Poveri, magħruf għal suċċessi bħal Sarà perché ti amo, Mamma Maria u Come Vorrei. Qabel il-kunċert se jdoqq DJ Pierre Cordina u Kevin Paul Calleja & Band, filwaqt li Alex Grech jagħlaq il-lejla b’party mimli klassiċi tas-snin tmenin.
Il-qofol tal-festival se jkun il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju bl-ewwel prestazzjoni f’Malta ta’ Padre Guilherme, magħruf internazzjonalment bħala d-“DJ Priest”. Miegħu se jtellgħu spettaklu wkoll il-duo Brittaniku POU – Product of Us, flimkien mal-artisti Maltin JJoy, Mux u Braynod, f’waħda mill-akbar iljieli ta’ mużika elettronika li rat Malta.
Il-festival għandu wkoll għan soċjali importanti, hekk kif parti mid-dħul mill-biljetti se tmur b’risq Embrace Diversity Organisation, li taħdem favur tfal u żgħażagħ b’diżabilità.
Organizzat mis-Soċjetà Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq bl-appoġġ tal-Gvern u tal-Malta Tourism Authority, il-festival iwiegħed tlett ijiem ta’ divertiment, mużika u esperjenzi memorabbli għal kull età. Bil-programm imsaħħaħ ta’ din is-sena, il-Għaxaq Music Festival 2026 jidher li se jkun l-akbar u l-aktar edizzjoni spettakolari fl-istorja tiegħu.
















