Matul l-istaġun turistiku, id-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni qed ikompli jżid il-ħidma tiegħu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex sabiex iż-żoni pubbliċi jibqgħu nodfa, siguri u attraenti kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi.
Bħalma jiġri tul is-sena kollha, id-Dipartiment jibqa’ għaddej b’ħidma regolari ta’ tindif u manutenzjoni. Madankollu, matul ix-xhur tas-sajf, meta jiżdied b’mod sostanzjali n-numru ta’ persuni li jżuru l-promenades, il-bajjiet, il-pjazez u ċ-ċentri turistiċi, l-operat jiġi msaħħaħ biex dawn iż-żoni jinżammu fl-aqwa kundizzjoni.
Waqt żjarat li saru f’diversi lokalitajiet, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli enfasizzat l-importanza tal-ħidma li qed issir kuljum mill-ħaddiema tad-Dipartiment. Hija qalet li l-indafa u l-manutenzjoni tal-ispazji pubbliċi huma essenzjali biex Malta tibqa’ destinazzjoni attraenti u biex il-komunitajiet ikollhom ambjent nadif u pjaċevoli fejn jgħixu u jqattgħu l-ħin tagħhom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo spjega li l-operazzjonijiet jiġu ppjanati skont il-ħtiġijiet ta’ kull lokalità, b’aktar riżorsi jiġu diretti lejn dawk iż-żoni li matul is-sajf jesperjenzaw l-akbar moviment ta’ nies.
Il-ħidma tinkludi ħasil tat-toroq u tal-bankini, knis ta’ toroq u pjazez, tindif u sanitizzazzjoni tal-kontenituri tal-iskart, kif ukoll manutenzjoni u tindif ta’ monumenti u spazji pubbliċi oħra. F’ħafna każijiet dawn l-interventi jitwettqu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu jew filgħaxija sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku.
Attenzjoni speċjali qed tingħata wkoll liż-żoni kostali u l-bajjiet, fejn il-frekwenza tat-tindif u tal-ġbir tal-iskart qed tiżdied sabiex dawn l-inħawi jibqgħu nodfa u milqugħa għal dawk kollha li jżuruhom.
Id-Dipartiment jibqa’ wkoll fuq quddiem nett fit-tindif wara attivitajiet pubbliċi, festivals u festi, fejn il-ħaddiema jaħdmu minnufih wara t-tmiem tal-avvenimenti biex l-ispazji pubbliċi jerġgħu lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli.
Ritratti: Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi (MLGP).












