Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizza Business Breakfast organizzat minn Mamo TCV Advocates, fejn ġiet diskussa l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolamenti l-ġodda dwar l-ugwaljanza fil-pagi. Għall-attività attendew rappreżentanti minn diversi setturi, inklużi policymakers, avukati u partijiet interessati, sabiex jiddiskutu kif dawn il-miżuri se jiġu applikati fil-prattika f’Malta.
Ir-regolamenti, li daħlu fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali matul Ġunju, jagħtu effett lid-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi. Dawn jipprovdu aktar ċarezza dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u japplikaw kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat.
Fost il-miżuri introdotti hemm id-dritt tal-applikanti għal impjieg li jkunu infurmati minn qabel dwar il-paga marbuta mal-pożizzjoni offruta. Barra minn hekk, dawk li jħaddmu mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jistaqsu lill-kandidati dwar is-salarju li kienu jaqilgħu f’impjiegi preċedenti.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti enfasizza li dawn il-bidliet huma pass importanti biex tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza fil-postijiet tax-xogħol. Huwa spjega li r-regolamenti jkomplu jsaħħu l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali, filwaqt li joffru aktar trasparenza kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem.
Il-Ministru żied jgħid li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) qed jorganizza numru ta’ sessjonijiet informattivi u seminars sabiex il-partijiet kollha kkonċernati jkunu infurmati dwar l-obbligi u d-drittijiet li joħorġu minn dawn ir-regolamenti.
Huwa temm billi sostna li l-Gvern se jibqa’ jaħdem sabiex l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun waħda effettiva u tikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol aktar ġust, trasparenti u ekwu għal kulħadd.











