Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ġie appuntat bħala Chair tal-Commonwealth Ministerial Action Group (CMAG), il-korp ewlieni tal-Commonwealth li jsegwi l-osservanza tal-valuri demokratiċi, is-saltna tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi membri.
F’dan ir-rwol, il-Ministru Fearne ppresieda t-73 laqgħa tas-CMAG, li matulha ġew analizzati diversi żviluppi politiċi f’numru ta’ Stati Membri tal-Commonwealth. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-isfidi li qed jiffaċċjaw id-demokrazija u s-saltna tad-dritt, kif ukoll fuq il-miżuri meħtieġa biex il-prinċipji tal-Commonwealth Charter jibqgħu jissaħħu madwar il-komunità internazzjonali.
Qabel il-laqgħa, il-Ministru Fearne kellu taħditiet mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Shirley Ayorkor Botchwey. Il-laqgħa ffukat fuq il-mod kif il-Commonwealth jista’ jkompli jappoġġja lis-56 Stat Membru tiegħu fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt. Ġew diskussi wkoll il-preparamenti għall-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM), li se jsir f’Antigua u Barbuda.
Il-Ministru Fearne sostna li l-Commonwealth jibqa’ forum importanti li jgħaqqad pajjiżi minn madwar id-dinja fuq il-bażi ta’ valuri komuni u impenn lejn il-prinċipji stabbiliti fil-Commonwealth Charter. Huwa saħaq li għal Malta huwa unur li tmexxi s-CMAG f’perjodu fejn id-demokrazija u l-istituzzjonijiet demokratiċi qed jiffaċċjaw sfidi ġodda, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u d-djalogu biex jinbena futur aktar stabbli u prosperu għall-pajjiżi membri.
Fearne tenna wkoll l-impenn ta’ Malta li tkompli tkun parteċipant attiv fi ħdan il-Commonwealth u li taħdem flimkien mas-Segretarjat u mal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli.
Ritratti: MFEA










