Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar il-ftuħ uffiċjali tan-nominazzjonijiet għall-Premju għall-Arti 2026, inizjattiva li tagħti ġieħ lill-aqwa kisbiet, proġetti u produzzjonijiet fis-setturi kulturali u kreattivi Maltin.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tirrikonoxxi xogħlijiet u inizjattivi li ġew ippreżentati lill-pubbliku bejn l-1 ta’ Settembru 2025 u l-31 ta’ Awwissu 2026. Dawn jinkludu fost oħrajn wirjiet artistiċi, produzzjonijiet teatrali, pubblikazzjonijiet, programmi kulturali, screenings u diversi attivitajiet kreattivi oħra.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, sostna li dawn il-premjijiet huma mezz importanti biex tingħata viżibbiltà u rikonoxximent lill-ħidma kreattiva li qed issir f’Malta. Huwa qal li l-inizjattiva tagħti l-opportunità lis-settur u lill-pubbliku biex jinnominaw xogħlijiet li ħallew impatt pożittiv, stimulaw diskussjoni jew arrikkew il-ħajja kulturali tal-komunitajiet.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, enfasizza li l-Premju għall-Arti jkompli jsaħħaħ il-kultura ta’ apprezzament u rikonoxximent tal-kontribut tal-artisti u l-prattikanti kulturali. Huwa spjega li l-għan hu li jiġu ċċelebrati l-kreattività, il-kwalità u d-dedikazzjoni li qed juru l-professjonisti fis-settur kulturali.
Waħda mill-aktar novitajiet ta’ din l-edizzjoni hija li n-nominazzjonijiet mhux se jkunu marbuta ma’ kategoriji stabbiliti minn qabel. Wara li jingħalqu n-nominazzjonijiet, il-Kunsill Malti għall-Arti se janalizza l-applikazzjonijiet kollha eliġibbli u jfassal il-kategoriji tal-premjijiet skont ix-xejriet u r-realtajiet attwali tas-settur artistiku.
Id-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-maniġer tal-Premju għall-Arti, Maria Angela Vassallo, spjegat li dan l-approċċ ġdid għandu l-għan li jirrifletti aħjar id-diversità u l-firxa tal-prattika artistika f’Malta. Hija ħeġġet lill-artisti, lill-organizzazzjonijiet, lill-produtturi u lill-pubbliku biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tan-nominazzjonijiet.
In-nominazzjonijiet jistgħu jitressqu kemm minn individwi kif ukoll minn organizzazzjonijiet, filwaqt li huma permessi wkoll self-nominations. Il-proċess se jibqa’ miftuħ sal-1 ta’ Settembru 2026 f’nofsinhar.
Aktar informazzjoni u l-linji gwida huma disponibbli fuq: https://artscouncilmalta.gov.mt/en/the-arts-awards/.











