Nhar il-Ġimgħa li għadda, fil-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina tan-Naxxar, ġie mniedi uffiċjalment il-ktieb “Il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina tan-Naxxar – Fi Żmien il-Festa”, pubblikazzjoni miktuba mill-Eċċellenza Tiegħu Ambaxxatur ta’ Malta għan-Namibja u President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea, li wkoll iffinanzja l-pubblikazzjoni minn fondi personali bħala ġest ta’ mħabba lejn il-parroċċa u l-komunità Naxxarija.
Dan il-ktieb, li jifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-300 sena mill-wasla tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina fost in-Naxxarin (1726-2026), joffri dokumentazzjoni unika tal-mod kif il-Kolleġġjata tiġi mżejna u armata matul il-ġranet tal-festa titulari. Permezz ta’ fotografija dettaljata u tagħrif storiku, il-pubblikazzjoni sservi bħala tifkira permanenti ta’ wieħed mill-aktar aspetti artistiċi u spiritwali importanti tal-festa Maltija.
L-għada tat-tnedija uffiċjali, l-awtur kellu wkoll l-opportunità li jippreżenta kopja tal-ktieb lill-Arċisqof ta’ Malta waqt żjara fil-Palazz tal-Arċisqof fl-Imdina flimkien mal-Arċipriet tan-Naxxar, il-Kanonku maħbub Dun David Gauci u l-fotografu professjonali Mark Micallef Perconte li ħa ħsieb id-disinn u l-fotografija kollha tal-ktieb b’mod metikoluż. Għall-awtur, dan kien mument ta’ sodisfazzjon personali u t-twettiq ta’ ħolma li kien ilu jġorr għal żmien twil.
Il-pubblikazzjoni ġiet iddisinjata minn Mark Micallef Perconte, li l-awtur irringrazzja għall-professjonalità, il-paċenzja u l-attenzjoni għad-dettall li ta tul il-proċess kollu. Rikonoxximent speċjali wkoll lill-Best Print Malta għall-kwalità tal-produzzjoni finali.
L-awtur esprima gratitudni lejn l-Arċipriet Dun David Gauci għad-direzzjoni u l-appoġġ tiegħu, kif ukoll lejn Andrew Borg u s-Sagristan Godwin Gauci, li l-kontribut tagħhom kien kruċjali biex il-proġett seta’ jitwettaq b’suċċess.
Il-ktieb huwa meqjus bħala “souvenir book” differenti minn pubblikazzjonijiet tradizzjonali, peress li jiffoka fuq il-ġmiel artistiku, liturġiku u kulturali tal-Kolleġġjata waqt il-festa, filwaqt li jiddokumenta xogħol li ħafna drabi jkun ammirat għal ftit jiem biss kull sena.
“Il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina tan-Naxxar – Fi Żmien il-Festa” jinsab għall-bejgħ mill-Parroċċa tan-Naxxar u joffri opportunità unika biex il-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada jżommu tifkira ta’ dan il-wirt reliġjuż u kulturali li għal sekli sħaħ kien fil-qalba tal-identità Naxxarija.
#300SenaFostInNaxxarin (1726-2026)








