Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne kellu laqgħa mal-Prim Ministru Palestinjan Mohammad Mustafa fi Brussell, lejlet il-laqgħa tal-Palestine Donor Group, fejn iż-żewġ naħat iddiskutew modi kif jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Palestina.
Matul il-laqgħa, ġiet enfasizzata l-possibbiltà ta’ aktar kollaborazzjoni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fis-settur mediku permezz ta’ programmi ta’ taħriġ u skambju ta’ għarfien bejn professjonisti, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi kulturali li jkomplu jsaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Fearne rrimarka l-appoġġ konsistenti li Malta tat lill-poplu Palestinjan matul is-snin, filwaqt li fakkar fir-rikonoxximent uffiċjali tal-Istat tal-Palestina minn Malta f’Settembru tal-2025. Huwa tenna wkoll l-impenn ta’ Malta favur soluzzjoni ta’ żewġ stati, pożizzjoni li l-pajjiż ikompli jippromwovi kemm fin-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Waqt id-diskussjoni, il-Ministru Fearne saħaq li Malta tibqa’ kontra kull forma ta’ spostament sfurzat tal-Palestinjani u sostna l-importanza tal-proċess ta’ riformi li qed jitmexxa mill-Awtorità Palestinjana. Huwa ħeġġeġ lill-Prim Ministru Mustafa biex ikompli javvanza dawn l-isforzi, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li mistennija jsiru fil-futur qarib.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Palestinjan tkellem dwar il-kundizzjonijiet diffiċli li qed jiffaċċjaw il-komunitajiet f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent, kif ukoll dwar il-pressjonijiet ekonomiċi li qed jolqtu lill-Awtorità Palestinjana. Huwa appella lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi għajnuna finanzjarja urġenti sabiex il-Palestina tkun tista’ tindirizza l-isfidi kkawżati minn restrizzjonijiet finanzjarji u dħul li qed jinżamm lura.
Ritratti: MFEA









