Il-Baden Powell Scouts Malta qed jiċċelebraw il-15-il anniversarju mit-twaqqif tagħhom permezz ta’ sena mimlija attivitajiet u inizjattivi li jkomplu jsaħħu l-valuri tal-Iscouting, il-volontarjat u s-servizz fil-komunità. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ingħataw bidu b’wirja fl-Imdina bit-tema “15 Years, One Promise”, li għaliha attendiet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia.
L-inizjattiva qed issir bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat permezz tal-iskema Small Initiatives Support Scheme (SIS), u tinkludi programm varjat ta’ attivitajiet matul is-sena kollha. Fosthom hemm proġetti ta’ servizz fil-komunità, kampijiet internazzjonali, taħriġ fit-tmexxija u inizjattivi ambjentali bħat-tħawwil ta’ siġar indiġeni f’diversi lokalitajiet.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Julia Farrugia enfasizzat l-importanza tal-volontarjat fis-soċjetà Maltija u qalet li l-Baden Powell Scouts huma eżempju ċar ta’ kif il-ħidma volontarja tista’ tħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies u tgħin biex jinbnew komunitajiet aktar magħquda. Hija sostniet li l-Iscouting jgħin biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw valuri b’saħħithom, sens ta’ responsabbiltà u kapaċitajiet ta’ tmexxija, filwaqt li ħabbret li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-għaqdiet volontarji bħala investiment fil-futur tal-pajjiż.
Il-Ministru faħħret ukoll lill-mexxejja, il-voluntiera u l-familji kollha li tul dawn il-15-il sena ddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex iwasslu l-valuri tal-Iscouting lil mijiet ta’ tfal u żgħażagħ.
Min-naħa tagħha, iċ-Chief Scout tal-Baden Powell Scouts Malta, Nathalie Fsadni, qalet li dan l-anniversarju huwa mument speċjali biex jitfakkar il-vjaġġ tal-għaqda u l-kontribut tagħha lejn l-iżvilupp taż-żgħażagħ. Hija spjegat li matul din is-sena kommemorattiva diġà saru diversi attivitajiet, fosthom pellegrinaġġ f’Jum il-Fundatur b’15-il sfida differenti u Camporee nazzjonali fejn il-membri bnew “Wall of Memories” li jfakkar il-mumenti ewlenin tal-għaqda.
Fsadni qalet li waħda mill-akbar sodisfazzjonijiet hija li tara tfal li bdew bħala beavers u cubs illum jieħdu rwoli ta’ tmexxija fi ħdan il-gruppi tal-Iscouts. Matul dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ingħataw ukoll unuri prestiġjużi lil dawk il-mexxejja li spikkaw għall-impenn u s-servizz tagħhom.
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu fix-xhur li ġejjin b’aktar attivitajiet edukattivi, ambjentali u komunitarji, filwaqt li l-Baden Powell Scouts Malta jkomplu jwettqu l-missjoni tagħhom li jrawmu ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ b’valuri sodi u b’sens qawwi ta’ servizz lejn is-soċjetà.
Ritratti: MIV











