Wara diversi każijiet ta’ vandaliżmu li fihom inkisru numru ta’ mirja pubbliċi matul l-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ irnexxielu jidentifika lill-persuni involuti, li kollha huma adoloxxenti.
Peress li dawn huma minorenni, il-Kunsill għażel li jiltaqa’ mal-ġenituri tagħhom sabiex flimkien jinstab mod kostruttiv kif tiġi indirizzata s-sitwazzjoni. Il-kooperazzjoni tal-ġenituri kienet waħda eċċellenti, tant li huma stess esprimew id-diżappunt tagħhom għall-imġiba ta’ wliedhom.
B’riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-ġenituri tal-adolexxent responsabbli għall-ħsara ħallsu l-ispejjeż kollha relatati mat-tiswija u s-sostituzzjoni tal-mirja, filwaqt li ż-żagħżugħ ikkonċernat għamel apoloġija għall-azzjonijiet tiegħu.
Barra minn hekk, intlaħaq qbil sabiex dawn iż-żgħażagħ jassistu lill-ħaddiema tal-Kunsill fit-twaħħil tal-mirja l-ġodda fil-postijiet rispettivi tagħhom. Bħala parti minn approċċ edukattiv u ta’ responsabbiltà lejn il-komunità, huma se jwettqu wkoll 300 siegħa xogħol volontarju fil-komunità ta’ Ħaż-Żebbuġ matul dan is-sajf.
Is-Sindku Steve Zammit Lupi rringrazzja lill-ġenituri għall-kollaborazzjoni sħiħa tagħhom, kif ukoll lill-Pulizija u lis-Surmast tal-iskola involuta għall-għajnuna tagħhom fil-proċess. Huwa esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lejn ir-residenti li għaddew informazzjoni utli lill-Kunsill meta seħħew dawn l-inċidenti.
Il-Kunsill jemmen li dan il-każ għandu jservi bħala lezzjoni importanti għal dawn iż-żgħażagħ, li issa qed jingħataw l-opportunità li jagħtu lura lill-komunità u jifhmu aħjar l-importanza tar-rispett lejn il-proprjetà pubblika u l-ġid komuni.








