Is-salib storiku ta’ Santa Venera ngħata ħajja ġdida wara li tlestew xogħlijiet estensivi ta’ restawr mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, f’inizjattiva li tkompli ssaħħaħ il-ħarsien tal-patrimonju storiku u kulturali tal-lokalità.
L-inawgurazzjoni tar-restawr saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, u s-Sindku ta’ Santa Venera, Gianluca Falzon, li flimkien enfasizzaw l-importanza li monumenti storiċi bħal dawn jibqgħu jiġu ppreservati għall-ġid tal-komunità.
Il-Ministru Zerafa Civelli sostniet li dan il-proġett huwa riflessjoni tal-impenn kontinwu tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jieħu ħsieb il-patrimonju nazzjonali filwaqt li jtejjeb l-ambjent urban tal-lokalitajiet Maltin. Hija qalet li permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali qed jitwettqu investimenti li mhux biss isebbħu l-inħawi, iżda wkoll jipproteġu l-identità storika u kulturali tal-komunitajiet.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Gianluca Falzon irringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-appoġġ u l-kollaborazzjoni tiegħu mal-Kunsill Lokali. Huwa spjega li wara li ġie nnutat id-deterjorament tas-salib, sar assessjar dettaljat sabiex jiġu identifikati l-interventi meħtieġa biex il-monument jiġi restawrat u protett.
Dan is-salib għandu storja twila marbuta mal-lokalità ta’ Santa Venera. Oriġinarjament kien jinsab fil-pjazza l-antika tal-lokalità, iżda meta fl-1969 bdiet il-binja tal-knisja l-ġdida, ġie trasferit temporanjament fuq il-bejt tal-kripta. Wara t-tlestija tal-knisja, tqiegħed fil-post fejn jinsab illum, fejn baqa’ jservi bħala punt ta’ referenza importanti għall-komunità.
Matul is-snin, l-esponiment għall-elementi naturali ħalla l-effett tiegħu fuq il-monument, u għalhekk kien meħtieġ intervent professjonali ta’ restawr. Il-ħaddiema tad-Dipartiment wettqu xogħlijiet bir-reqqa biex jindirizzaw il-ħsarat akkumulati, filwaqt li żammew il-karatteristiċi storiċi u artistiċi oriġinali tiegħu.
Bis-saħħa ta’ dawn l-interventi, is-salib illum reġa’ kiseb id-dehra oriġinali tiegħu u ġiet assigurata l-istabbiltà tiegħu, biex jibqa’ simbolu storiku u kulturali li jista’ jitgawda mir-residenti u l-viżitaturi għal ħafna snin oħra.
Ritratti: DOI/MLGP











