Elementi Sajfin 2026 se jerġa’ jagħti l-ħajja lix-Xgħajra b’serata ta’ divertiment, kultura u attivitajiet għall-familja nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju fil-Milord.
Din l-inizjattiva, organizzata mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra bl-appoġġ ta’ fondi mogħtija permezz ta’ skema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, tkompli ssaħħaħ il-ħajja komunitarja fil-lokalità u toffri opportunità biex residenti, familji u viżitaturi jiltaqgħu flimkien f’ambjent sabiħ mal-baħar.
Id-dettalji tal-attività tħabbru mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tax-Xgħajra Neil Attard. Matul dawn l-aħħar snin, Elementi Sajfin stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju tas-sajf tax-Xgħajra, u kull sena jattira numru dejjem jikber ta’ nies li jfittxu lejla ta’ divertiment u attivitajiet kulturali.
Il-Ministru Zerafa Civelli enfasizzat l-importanza tal-Kunsilli Lokali fil-ħolqien ta’ inizjattivi li jġibu n-nies flimkien u li jkomplu jagħtu valur lill-komunitajiet. Hija rrimarkat li dawn l-attivitajiet mhux biss joħolqu spazji ta’ divertiment għall-familji, iżda jservu wkoll biex jippromwovu t-talent lokali, il-kultura u l-identità tal-lokalitajiet Maltin.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Neil Attard spjega li l-attività hija frott l-impenn kontinwu tal-Kunsill biex jorganizza avvenimenti li jgħaqqdu lill-komunità u joffru pjattaforma għat-talent lokali. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi spettakli ta’ mużika live, wirjiet taż-żfin u diversi attivitajiet adattati għall-familji.
Barra minn hekk, dawk li jattendu se jkollhom l-opportunità jżuru wirja ta’ karozzi b’għadd ta’ vetturi esebiti, filwaqt li jgawdu minn għażla ta’ ikel u xorb f’atmosfera rilassata u unika fuq il-kosta tax-Xgħajra.
Elementi Sajfin 2026 se jsir bejn is-6.30pm u l-11.00pm fil-Milord, ix-Xgħajra, u d-dħul għall-pubbliku huwa kompletament bla ħlas.










