Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne tenna l-appoġġ ta’ Malta lejn l-Ukrajna waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussell. Huwa laqa’ l-progress li sar dwar il-pakkett il-ġdid ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u saħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tibqa’ magħquda u konsistenti quddiem l-isfidi li qed iġġib magħha l-gwerra.
Fearne enfasizza wkoll l-importanza li tinżamm l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani, filwaqt li sostna li l-libertà tan-navigazzjoni u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali għandhom jibqgħu prijorità. Huwa esprima t-tħassib ta’ Malta dwar l-attività magħrufa bħala Shadow Fleet fil-Baħar Mediterran, minħabba r-riskji li tista’ toħloq għas-sigurtà marittima, l-ambjent u l-infurzar tas-sanzjonijiet internazzjonali.
Matul il-Forum ta’ Livell Għoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), il-Ministru appella biex jiġu evitati aktar tensjonijiet fir-reġjun tal-Golf, b’mod partikolari fl-Istrett ta’ Hormuz, u saħaq fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehimiet eżistenti. Huwa enfasizza wkoll li dan il-passaġġ marittimu għandu jibqa’ miftuħ u sigur skont il-liġi internazzjonali.
Dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani, Fearne tenna l-pożizzjoni ta’ Malta kontra kull forma ta’ spostament sfurzat tal-popolazzjoni Palestinjana u appella biex jinħelsu l-fondi dovuti lill-Awtorità Palestinjana. Huwa sostna wkoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi aktar sostenibbli biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-poplu Palestinjan.
Il-Ministri Ewropej iddiskutew ukoll għadd ta’ temi internazzjonali oħra, fosthom l-iżviluppi fil-Baħar l-Iswed, il-Bożnija u Ħerzegovina, is-Sudan u r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Maqgħuda.
Fil-marġini tal-laqgħat, il-Ministru Fearne kellu taħditiet ma’ Lana Nusseibeh, Ministru tal-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda, fejn ġew diskussi l-iżviluppi fir-reġjun u opportunitajiet ġodda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda.










