Ġew inawgurati xogħlijiet estensivi ta’ manutenzjoni u titjib tas-sigurtà fis-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp fil-Kalkara, proġett li sar grazzi għal investiment sostanzjali appoġġjat mill-Fondazzjoni Kottonera. L-interventi ffukaw fuq il-ħarsien tal-binja, it-tisħiħ tas-sigurtà u s-soluzzjoni ta’ problemi persistenti ta’ dħul tal-ilma.
L-inawgurazzjoni saret waqt il-ġimgħa tal-festa titulari ta’ San Ġużepp, fil-preżenza tal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi u l-President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp Josef Vella.
Il-Ministru Zerafa Civelli sostniet li l-investiment fil-każini u s-soċjetajiet mużikali huwa investiment dirett fil-komunitajiet u fit-tradizzjonijiet li jsawru l-identità lokali. Hija enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Fondazzjoni Kottonera u l-għaqdiet volontarji biex jitwettqu proġetti li jħallu impatt pożittiv fuq il-lokalitajiet.
Min-naħa tiegħu, Joe Mizzi qal li l-Fondazzjoni Kottonera tibqa’ impenjata li tappoġġja inizjattivi li jsaħħu l-faċilitajiet tal-għaqdiet volontarji u jħarsu l-patrimonju kulturali tal-Kottonera, filwaqt li jkomplu jsaħħu r-rwol soċjali u kulturali tagħhom fil-komunità.
Il-proġett kien jinkludi xogħlijiet estensivi fuq il-bejt tas-sede, fosthom it-tneħħija tas-saff eżistenti, l-installazzjoni ta’ membrane ġdida kontra l-ilma u tqegħid ta’ madum ġdid biex tiżdied ir-reżistenza u l-funzjonalità tal-ispazju. Saru wkoll interventi relatati mas-sigurtà, inkluż sistema elettrika ġdida, dawl permanenti u puġġaman fit-taraġ.
Barra minn hekk, twettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq diversi partijiet tal-binja biex jiġu indirizzati ħsarat ikkawżati mill-umdità u jiġi evitat aktar dħul ta’ ilma. Parti mix-xogħlijiet saret b’mod volontarju minn membri tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp stess, fatt li juri l-impenn tagħhom lejn il-preservazzjoni u t-titjib kontinwu tas-sede għall-benefiċċju tal-komunità Kalkariża.










