Il-Valletta Pageant of the Seas se jerġa’ jixgħel il-Port il-Kbir nhar l-24 ta’ Lulju, hekk kif l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tħejji edizzjoni oħra ta’ dan l-avveniment popolari li kull sena jiġbed eluf ta’ spettaturi lejn il-Belt Kapitali.
L-avveniment se jittrasforma l-Port il-Kbir f’palk miftuħ fejn il-wirt marittimu Malti jingħaqad ma’ elementi moderni ta’ dawl, mużika u teknoloġija, biex jinħoloq spettaklu uniku fil-qalba ta’ wieħed mill-aktar portijiet storiċi fil-Mediterran.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea sostna li inizjattivi bħal dawn jagħtu ħajja ġdida lill-wirt storiku tal-pajjiż u fl-istess ħin jagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa enfasizza li l-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja avvenimenti li jsaħħu l-identità kulturali ta’ Malta u jkomplu jattiraw turiżmu ta’ kwalità.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li din is-sena qed titħejja produzzjoni impressjonanti li se tagħti ħajja lill-Port il-Kbir permezz ta’ taħlita ta’ bastimenti mżejna bid-dwal, effetti tal-ilma, projezzjonijiet u logħob tan-nar. Huwa stieden lill-pubbliku jattendi biex jesperjenza mill-qrib il-maġija ta’ dan l-avveniment.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef irrimarka li l-Valletta Pageant of the Seas jikkontribwixxi biex Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni kulturali ta’ kwalità. Huwa qal li avvenimenti ta’ dan il-livell mhux biss jiċċelebraw il-wirt lokali iżda wkoll joffru esperjenzi distintivi li jattiraw viżitaturi minn madwar id-dinja.
Il-programm jibda fit-8:00 ta’ filgħaxija fix-Xatt Ta’ Liesse bil-prestazzjoni enerġetika ta’ Tikka Banda, li se toħloq atmosfera festiva qabel jibda l-ispettaklu prinċipali.
Aktar tard filgħaxija, il-Port il-Kbir se jospita purċissjoni spettakolari fuq il-baħar b’jottijiet imdawlin, dgħajjes tradizzjonali Maltin, bastimenti tal-qlugħ u kayaks, kollha akkumpanjati minn mużika, wirjiet sinkronizzati ta’ funtani tal-ilma, effetti tal-lejżer u finali mill-isbaħ ta’ logħob tan-nar.
L-attività hija organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bl-appoġġ ta’ Visit Malta u d-dħul għaliha huwa bla ħlas.











