Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu ta’ din is-sena kienet okkażjoni partikolari għall-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun, hekk kif delegazzjoni mill-għaqda żaret il-belt ta’ Termini Imerese f’Palermo, Sqallija, bejn il-15 u s-17 ta’ Lulju.
Id-delegazzjoni kienet magħmula minn membri tal-kumitat flimkien mal-Kanonku Fr Franco Fenech, id-direttur spiritwali tal-għaqda, wara stedina mill-kumitat tal-Banda Musicale Maria Delle Grazie u mill-kappillan Don Giuseppe Zucchetto. Din iż-żjara saret bħala parti mill-ġemellaġġ li beda aktar kmieni din is-sena meta l-banda Sqallija kienet mistiedna tipparteċipa fil-manifestazzjoni ta’ Kristu Rxoxt fil-Ħamrun.
Termini Imerese għandha rabta partikolari mal-Ħamrun, hekk kif il-knisja prinċipali tagħha hija ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. Fost is-seba’ parroċċi tal-lokalità hemm ukoll il-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, fejn fis-16 ta’ Lulju ġiet iċċelebrata l-festa titulari.
Matul il-jum tal-festa, Fr Franco mexxa quddiesa solenni li matulha ġiet offruta warda tal-fidda lill-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu bħala sinjal ta’ devozzjoni u mħabba lejn il-Verġni Marija. Aktar tard filgħaxija, waqt il-purċissjoni tradizzjonali fit-toroq tal-belt, l-istatwa ġiet merfugħa minn membri tal-kumitat tal-għaqda Ħamruniża li kienu preżenti.
Iż-żjara serviet ukoll biex tissaħħaħ il-ħbiberija bejn iż-żewġ għaqdiet, b’taħdidiet li għaddejjin sabiex il-ġemellaġġ ikompli jikber u jwassal għal aktar kollaborazzjonijiet fil-futur.











