Waqt il-ftuħ tas-16-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball BOV b’risq id-Dar tal-Providenza, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li daħlu fis-seħħ żewġ liġijiet importanti li jsaħħu d-drittijiet u l-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità u tal-adulti vulnerabbli.
Flimkien ma’ diversi membri tal-Kabinett, il-Prim Ministru attenda għal din l-attività ta’ 53 siegħa li kull sena tlaqqa’ flimkien atleti, voluntiera u sostenituri għal kawża soċjali importanti. Huwa faħħar l-ispirtu ta’ volontarjat li jiddistingwi din il-maratona u enfasizza kif l-isport jista’ jservi bħala għodda biex jippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħtu filwaqt li jgħin lil min għandu bżonn.
Dr Abela spjega li l-Att dwar l-Awtonomija Personali huwa mibni fuq il-prinċipju li kull persuna għandha tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet tagħha stess kull fejn dan ikun possibbli. Huwa sostna li l-awtonomija hija wieħed mill-aktar drittijiet importanti għall-persuni b’diżabilità, u li l-liġi l-ġdida se tkompli ssaħħaħ dan il-prinċipju permezz ta’ sistemi ta’ appoġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll il-bidu tal-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli, li għandu l-għan li joffri aktar salvagwardji u protezzjoni lil adulti li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, fosthom anzjani u persuni b’diżabilità.
Huwa qal li dawn iż-żewġ liġijiet jirrappreżentaw pass ieħor ’il quddiem fil-ħidma favur aktar inklużjoni, ugwaljanza u dinjità għall-persuni b’diżabilità, filwaqt li juru l-impenn tal-Gvern biex iwettaq il-miżuri mwiegħda għall-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lill-voluntiera, lill-atleti, lill-ħaddiema u lit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza għad-dedikazzjoni tagħhom lejn il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Huwa ppreżenta wkoll donazzjoni ta’ €20,000 mill-Fond għall-Kawżi Soċjali biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma li ssir fi ħdan id-Dar tal-Providenza.













