Il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa hekk kif Malta daħlet taħt Twissija Ħamra għas-sħana, bit-temperaturi mistennija jitilgħu sa 41°C bejn illum is-Sibt 18 ta’ Lulju u nhar it-Tlieta 21 ta’ Lulju. It-twissija ġiet maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku u l-awtoritajiet tas-saħħa appellaw biex kulħadd joqgħod attent għall-effetti li s-sħana estrema tista’ tħalli fuq is-saħħa.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard (HPDP), fi ħdan is-Saħħa Pubblika, fakkar li temperaturi daqshekk għoljin jistgħu jwasslu għal deidrazzjoni, eżawriment mis-sħana u, f’każijiet aktar serji, heatstroke. L-aktar persuni vulnerabbli huma l-anzjani, it-trabi u t-tfal żgħar, persuni b’kundizzjonijiet kroniċi, kif ukoll dawk li jaħdmu barra għal sigħat twal.
L-awtoritajiet qed jirrakkomandaw lill-pubbliku biex:
- jevita li joħroġ bejn il-11:00 a.m. u l-4:00 p.m. jekk mhux meħtieġ;
- jixrob ħafna ilma matul il-ġurnata;
- jilbes ħwejjeġ ħfief u ta’ kulur ċar;
- jevita attività fiżika intensa fl-iktar ħinijiet sħan;
- iżomm id-djar friski billi jagħlaq il-purtieri u juża ventilazzjoni jew arja kkundizzjonata fejn possibbli.
L-HPDP (Health Promotion and Disease Prevention Directorate) fakkar ukoll biex qatt ma jitħallew tfal, anzjani jew annimali f’karozza pparkjata, anke għal ftit minuti, minħabba li t-temperatura ġewwa vettura tista’ titla’ b’mod perikoluż ħafna fi żmien qasir. Barra minn hekk, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħti każ ta’ qraba u ġirien vulnerabbli, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom.
Il-pjan nazzjonali ta’ azzjoni għas-sħana ġie attivat biex l-awtoritajiet ikunu lesti għal kwalunkwe impatt fuq is-saħħa pubblika. F’każ ta’ sintomi serji bħal konfużjoni, telf ta’ sensi jew temperatura għolja ħafna tal-ġisem, għandu jsir kuntatt immedjat mas-servizzi tal-emerġenza fuq 112.









