Bi qbil mal-familja tiegħu, il-funeral ta’ Nadab John se jkun organizzat mill-Patrijiet Franġiskani, li magħhom kien marbut mill-qrib permezz tas-servizz tiegħu bħala abbati fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Huwa se jindifen ukoll fl-oqbra tal-Patrijiet Franġiskani fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Il-funeral se jsir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju fid-9:00 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ Ġieżu.
Nadab John, li tilef ħajtu b’mod traġiku, kien jagħmel parti minn familja ta’ ħamsa, flimkien mal-ġenituri tiegħu u żewġ ħutu iżgħar minnu. Il-familja kienet waslet Malta sitt xhur ilu wara ħafna sagrifiċċji biex tibni futur aħjar.
Waqt żjara lill-familja, il-Ministru Provinċjal flimkien ma’ Patri Arslan semgħu kliem ta’ gratitudni mill-ġenituri ta’ Nadab. Huma rrakkuntaw kif binhom sab sens ta’ appartenenza u familja ġdida fil-komunità tal-Knisja ta’ Ġieżu. Kien jistenna b’entużjażmu l-laqgħat tal-abbatini u kien jieħu pjaċir kbir jaqdi dmiru fuq l-artal.
Il-ġenituri qalu li wara li beda s-servizz tiegħu fil-knisja, raw bidla pożittiva kbira fih. Kien aktar kuntent, aktar seren u sab nies li kienu jisimgħuh u japprezzaw il-kwalitajiet tiegħu. Missieru stqarr li minkejja n-niket kbir li qed jgħixu, isib faraġ fil-fidi tiegħu, u jemmen li Alla kien qed iħejji lil ibnu għal-laqgħa miegħu.
Il-Patrijiet Franġiskani saħqu li se jkunu qrib il-familja f’dan il-mument diffiċli, bħala parti mill-missjoni tagħhom li jakkumpanjaw il-komunitajiet etniċi fil-ħajja tal-fidi u jkunu ta’ sostenn meta jkun hemm bżonn.
Kulħadd huwa mistieden jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Nadab John. Il-liturġija se ssir bil-lingwa Urdu, il-lingwa tal-komunità Pakistana, iżda l-preżenza tal-pubbliku se tkun sinjal sabiħ ta’ solidarjetà u fraternità Nisranija.
Fir-ritratt, Nadab jidher mal-familja tiegħu waqt il-mument meta għamel il-wegħda li jaqdi lill-Mulej fuq l-artal, sitt ġimgħat biss qabel il-mewt tiegħu.








