Ir-Reġjun Tramuntana organizza attività speċjali fil-Lukanda DoubleTree by Hilton Malta f’Buġibba li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali, entitajiet pubiċi, mistednin distinti u membri tal-komunità. L-attività inkludiet il-Laqgħa Ġenerali Annwali tar-Reġjun, it-tnedija ta’ pubblikazzjoni ġdida u l-ħruġ ta’ bolla kommemorattiva ddedikata lill-wirt u l-identità tar-reġjun.
Il-programm beda b’laqgħa uffiċjali tal-Kunsill Reġjonali fejn ġew diskussi diversi punti amministrattivi u ta’ governanza relatati mal-ħidma tar-Reġjun Tramuntana.
Matul il-ftuħ tal-attività prinċipali, il-President tar-Reġjun Tramuntana laqa’ lill-mistednin u ta ħarsa lejn il-ħidma mwettqa matul l-aħħar sena, filwaqt li rringrazzja lill-kunsillieri, lill-impjegati, lill-imsieħba u lill-partijiet interessati kollha għall-kontribut tagħhom. Huwa enfasizza wkoll l-importanza kulturali u storika tal-pubblikazzjoni l-ġdida kif ukoll is-sinifikat tal-bolla kommemorattiva.
Wieħed mill-mumenti ewlenin tas-serata kien il-preżentazzjoni minn Dr Natalino Fenech, li spjega l-kuntest storiku tal-pubblikazzjoni, ir-riċerka li saret għat-tħejjija tagħha u l-valur tagħha fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt tar-Reġjun Tramuntana.
Matul l-attività ngħatat ukoll rikonoxxenza lil Malta Libraries għall-kollaborazzjoni tagħha mar-Reġjun. Ġiet enfasizzata inizjattiva importanti li permezz tagħha r-Reġjun se jkun qed iqassam madwar 350 ktieb lill-Kunsilli Lokali matul is-sena sabiex jissaħħu inizjattivi edukattivi, ta’ litteriżmu u ta’ involviment komunitarju. Saru wkoll interventi mill-pubbliku u minn Sindki tad-9 lokalitajiet li jappartjenu għar-Reġjun fosthom minn Ċensu Galea dwar l-isfida tal-ġbir tal-iskart f’lokalità mdaqqsa bħal ma hi dik ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali kompliet b’preżentazzjonijiet dwar ir-rwol tal-gvern lokali u reġjonali, kif ukoll dwar il-ħidma mwettqa mir-Reġjun matul l-2025. Ġew spjegati diversi proġetti marbuta mal-ambjent, l-edukazzjoni, il-kultura, il-mobilità sostenibbli, il-fondi Ewropej u l-appoġġ kontinwu lill-Kunsilli Lokali li jiffurmaw ir-Reġjun Tramuntana.
Ingħatat ukoll ħarsa lejn is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Reġjun, inkluż is-sorsi ewlenin tad-dħul, l-infiq matul is-sena u l-prijoritajiet finanzjarji għall-futur. Il-pubbliku kellu l-opportunità jagħmel mistoqsijiet dwar il-ħidma tar-Reġjun, il-proġetti tiegħu u l-inizjattivi kulturali u edukattivi li qed jitwettqu. Is-Segretarju Eżekuttiv Bjorn Bonello spjega fid-dettall kull biċċa xogħol li r-reġjun jidħol għaliha b’responsabbiltà u b’rieda tajba.
Is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo sostna s-sapport li l-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikompli jagħti kif ukoll wera l-appoġġ fl-isfidi li r-Reġjuni u l-Kunsilli Lokali jaffaċċjaw.
Fl-għeluq tas-serata, il-President tar-Reġjun Tramuntana rringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex l-attività tkun suċċess u tenna l-impenn tar-Reġjun li jkompli jaħdem favur il-komunitajiet tiegħu permezz ta’ inizjattivi li jsaħħu l-governanza, il-kultura, l-edukazzjoni u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Il-President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea Vella, stqarr li din l-attività kienet opportunità importanti biex ir-Reġjun mhux biss jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu, iżda wkoll ikompli jinvesti fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-identità kulturali u storika tal-lokalitajiet tiegħu.















