L-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi organizzat programm ta’ taħriġ għall-ħaddiema tagħha bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-ħiliet professjonali tagħhom u ttejjeb il-kwalità tas-servizzi li jingħataw f’żoni turistiċi madwar Malta u Għawdex.
Il-ħaddiema, li tul is-sena jieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tisbiħ ta’ bajjiet, promenades, mogħdijiet, bandli u spazji pubbliċi oħra, ipparteċipaw f’ġurnata ddedikata għall-iżvilupp professjonali, it-taħriġ u t-tisħiħ tal-ħidma f’tim.
L-attività kienet indirizzata mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, li faħħret l-impenn tal-ħaddiema u sostniet li t-taħriġ kontinwu huwa essenzjali biex ikompli jitjieb is-servizz mogħti lill-komunitajiet u lill-viżitaturi. Hija qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti kemm fil-ħaddiema kif ukoll fl-infrastruttura biex jinżammu standards għoljin ta’ kwalità.
Il-Ministru rrimarkat li kull spazju pubbliku miżmum tajjeb huwa frott id-dedikazzjoni tal-ħaddiema tal-Aġenzija u saħqet li dawn huma l-aqwa rappreżentanti tax-xogħol li qed isir fil-lokalitajiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Dennis Vella, spjega li matul l-2026 twettqu bosta interventi ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi żoni turistiċi madwar il-pajjiż. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema għall-professjonalità u l-impenn tagħhom, filwaqt li enfasizza li s-suċċess tal-Aġenzija jiddependi fuq il-kontribut ta’ kull membru tat-tim.
Il-programm kien jinkludi sessjonijiet dwar l-iżvilupp personali u professjonali, preżentazzjoni dwar il-proġetti mwettqa mill-Aġenzija matul is-sena, attività ta’ team building u sessjoni minn rappreżentanti tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Fi tmiem il-ġurnata, il-Ministru ppreżentat iċ-ċertifikati lill-ħaddiema li lestew b’suċċess taħriġ fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll lil dawk li kisbu ċertifikazzjoni fir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, biex ikomplu jsaħħu l-kompetenzi tagħhom.
Għall-attività kien preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Emil Vassallo.












