Madwar 3,000 tifel u tifla qed jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-programm tas-sajf “Let’s Move Malta”, inizjattiva ta’ SportMalta li tħeġġeġ stil ta’ ħajja aktar attiv u b’saħħtu permezz tal-isport. Il-programm, li jdum tmien ġimgħat, qed joffri firxa ta’ attivitajiet sportivi f’seba’ ċentri mifruxa madwar Malta u Għawdex.
Il-parteċipanti qed jitħarrġu f’diversi dixxiplini sportivi fosthom l-għawm, il-futbol, l-atletika, il-ġinnastika, il-fitness, iż-żfin, il-judo u l-qlugħ. Dawn l-attivitajiet qed jitmexxew minn aktar minn 180 kowċ u helper kwalifikati, li qed jiżguraw esperjenza sigura u edukattiva għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, ftit tal-jiem ilu żar il-Cottonera Sports Complex fejn seta’ jsegwi mill-qrib l-attivitajiet tal-programm u jiltaqa’ mal-parteċipanti, il-ġenituri, il-kowċis u l-helpers. Matul iż-żjara, huma taw ħarsa wkoll lejn ix-xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin fil-kumpless bħala parti mill-investiment kontinwu tal-Gvern fil-faċilitajiet sportivi.
Il-Ministru Camilleri tenna li l-investiment fl-isport huwa investiment dirett fil-benesseri tal-poplu, hekk kif inizjattivi bħal “Let’s Move Malta” mhux biss jinkoraġġixxu aktar attività fiżika, iżda jgħinu wkoll biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiżviluppaw valuri bħad-dixxiplina, ir-rispett u l-ħidma f’tim.
Huwa enfasizza wkoll l-importanza tat-tagħlim tal-għawm, speċjalment f’pajjiż gżira bħal Malta, filwaqt li spjega li din hija ħila essenzjali li tgħin biex tiżdied is-sigurtà fl-ilma u jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li l-fatt li madwar 3,000 persuna għażlu li jipparteċipaw fil-programm juri l-fiduċja li l-familji Maltin u Għawdxin għandhom f’din l-inizjattiva. Huwa rringrazzja lill-kowċis, lill-helpers u lill-ħaddiema kollha ta’ SportMalta għall-impenn tagħhom biex kull sena joffru esperjenza sportiva ta’ kwalità.
Permezz tal-programm “Let’s Move Malta”, SportMalta qed tkompli ssaħħaħ il-missjoni tagħha li tagħmel l-isport aktar aċċessibbli għal kulħadd u tinkoraġġixxi aktar persuni jadottaw stil ta’ ħajja attiv u b’saħħtu.











