Il-kunċert annwali ‘A Night at the Palace’ se jerġa’ jsir nhar l-Erbgħa 9 ta’ Settembru fil-Palazz tal-Girgenti, din id-darba bit-tema ‘Melodija Maltija’, fejn il-pubbliku se jingħata l-opportunità jgawdi serata ddedikata lill-aqwa kanzunetti lokali filwaqt li jikkontribwixxi għal kawża soċjali.
L-inizjattiva tħabbret minn Dr Lydia Abela, li spjegat kif dan l-avveniment sar tradizzjoni li tgħaqqad il-kultura mal-ġenerożità. Id-dħul kollu mill-bejgħ tal-biljetti, kif ukoll id-donazzjonijiet li jinġabru matul il-lejla, se jmorru b’risq Hospice Malta biex tkompli tappoġġja l-ħidma tagħha fil-qasam tal-kura paljattiva.
Matul is-serata, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Kevin Abela, se tippreżenta għażla ta’ kanzunetti Maltin li matul is-snin saru parti mill-wirt mużikali u kulturali tal-pajjiż.
Din l-edizzjoni se tkun ukoll okkażjoni biex titfakkar il-memorja tas-surmast Aurelio Belli, bħala rikonoxximent għall-kontribut kbir tiegħu lejn il-mużika Maltija u għas-sehem li ta f’edizzjonijiet preċedenti ta’ dan il-kunċert.
Dr Abela qalet li permezz ta’ din il-lejla mhux biss se jiġi ċċelebrat it-talent lokali, iżda se jingħata wkoll sostenn konkret lill-pazjenti ta’ Hospice Malta u lill-familji tagħhom. Hija rringrazzjat ukoll lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-impenn kontinwu tagħha u sostniet li dan l-avveniment joffri opportunità lill-familji biex jiltaqgħu f’ambjent uniku u jgawdu esperjenza kulturali b’għan nobbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Vanessa Mangion, qalet li l-Orkestra tinsab kuntenta li għal darb’oħra qed tappoġġja din l-inizjattiva, li tgħin biex il-mużika tasal għand udjenzi ġodda filwaqt li tagħti kontribut pożittiv lis-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, is-Surmast Kevin Abela spjega li l-programm se jwassal lill-udjenza fuq vjaġġ mużikali permezz ta’ numru ta’ kanzunetti Maltin magħrufa, ippreżentati b’arranġamenti orkestrali ġodda li jagħtu ħajja ġdida lil dawn il-kompożizzjonijiet.
Il-biljetti jiswew €10, bil-qligħ kollu jmur bħala donazzjoni lil Hospice Malta. Kull persuna tista’ tixtri sa massimu ta’ ħames biljetti.










