Il-Bajja tar-Rnella fil-Kalkara se terġa’ tkun il-qalba tad-divertiment hekk kif nhar is-Sibt 1 ta’ Awwissu 2026 se tittella’ l-ħames edizzjoni ta’ Lejla Rnella.
L-attività qed tittella’ bl-appoġġ tal-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u permezz ta’ fondi amministrati mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, li jkomplu jgħinu lill-kunsilli lokali jorganizzaw attivitajiet kulturali u komunitarji ta’ kwalità.
Waqt it-tnedija tal-programm, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, ippreżentaw id-dettalji ta’ din l-edizzjoni.
Il-Ministru Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-kunsilli lokali biex ikollhom il-mezzi meħtieġa ħalli jorganizzaw attivitajiet li jagħtu ħajja lill-pjazez u l-lokalitajiet, filwaqt li jsaħħu s-sens ta’ komunità. Hija sostniet li dan l-appoġġ qed joħloq aktar opportunitajiet biex il-familji jgawdu attivitajiet ta’ kwalità qrib darhom, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kultura, it-turiżmu lokali u l-ekonomija tal-lokalitajiet.
Il-Ministru żiedet li inizjattivi bħal Lejla Rnella huma eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali tista’ twassal għal avvenimenti li mhux biss joffru divertiment, iżda wkoll isaħħu l-identità ta’ kull lokalità.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Wayne Aquilina rringrazzja lill-Ministeru u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għall-appoġġ kontinwu tagħhom, li qed jagħmilha possibbli biex il-Kunsill Lokali tal-Kalkara jkompli jorganizza attivitajiet ta’ livell għall-komunità.
Il-programm ta’ din is-sena se jkun mimli mużika u divertiment, b’wirjiet minn Jasmine, ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika, Jamie Cardona u kunċert live minn Kevin Paul, li se jagħlaq is-serata.
Lejla Rnella se tkun ukoll attività għal kulħadd, b’żona ddedikata għat-tfal u spazju apposta għall-persuni b’abilitajiet differenti, sabiex il-familji kollha jkunu jistgħu jgawdu l-avveniment f’ambjent aċċessibbli u sigur.
Għal min se jattendi minn barra l-Kalkara, se jkun disponibbli servizz ta’ Park & Ride mingħajr ħlas. Il-viżitaturi jkunu jistgħu jipparkjaw fil-periferija tal-lokalità u jużaw mini-bus li jwassalhom direttament sal-Bajja tar-Rnella.











