Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni artistika u s-settur kreattiv f’Malta.
Dan il-ftehim huwa allinjat mal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti u joħloq qafas aktar b’saħħtu ta’ ħidma bejn iż-żewġ entitajiet. L-għan tiegħu huwa li jkompli jħeġġeġ il-parteċipazzjoni fil-kultura, isaħħaħ il-professjonalizzazzjoni tas-settur u joħloq aktar opportunitajiet għall-istudenti biex jersqu eqreb lejn id-dinja professjonali tal-arti.
L-iffirmar tal-ftehim sar waqt l-10 edizzjoni tal-MCAST ICA Festival, attività li turi x-xogħol kreattiv tal-istudenti minn 12-il kors tal-Baċellerat bl-Unuri fl-Arti.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, il-Kunsill Malti għall-Arti se jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-produzzjoni tal-festival u se jiffinanzja wkoll il-ħidma ta’ kuratur professjonali. Dan il-kuratur mhux biss se jmexxi l-wirja, iżda se jaħdem mill-qrib mal-istudenti, billi jintroduċihom għall-prattika kuratorjali u jagħtihom esperjenza diretta ta’ din il-professjoni.
Il-ftehim għandu l-għan li jkompli jqarrab lill-istudenti lejn is-settur kulturali u kreattiv, filwaqt li jagħtihom stampa aktar ċara tal-opportunitajiet li jistgħu jsegwu wara li jlestu l-istudji tagħhom. Fl-istess ħin, jippermetti lill-Kunsill Malti għall-Arti u lill-MCAST jaħdmu flimkien biex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-artisti, tal-edukaturi u tal-professjonisti kreattivi emerġenti.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, sostna li l-investiment fl-edukazzjoni artistika jfisser investiment fil-futur tas-settur kulturali Malti. Huwa qal li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-istudenti u l-edukaturi se jkollhom aċċess għal aktar għodod, esperjenzi u opportunitajiet li jgħinuhom jiżviluppaw il-karriera professjonali tagħhom, filwaqt li jkomplu jissaħħu l-istandards tas-settur kreattiv.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-MCAST, Steven Vella, qal li l-ftehim ikompli jsaħħaħ il-konnessjoni bejn it-tagħlim u d-dinja tax-xogħol. Huwa spjega li l-MCAST ICA Festival diġà joffri lill-istudenti pjattaforma biex jesebixxu t-talenti tagħhom, filwaqt li din il-kollaborazzjoni se żżid valur ieħor billi tagħtihom gwida minn kuratur professjonali u kuntatt aktar dirett mal-industrija kreattiva.















