Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq proġett estensiv fil-Ħamrun b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro biex jitjiebu tliet toroq ewlenin tal-lokalità. L-interventi f’Triq Atoċja, Triq id-Duka ta’ Edinburgh u passaġġ fi Triq San Franġisk huma maħsuba biex isaħħu kemm l-infrastruttura taħt l-art kif ukoll itejbu d-dehra u l-kwalità tat-toroq.
Ix-xogħlijiet jinkludu t-tneħħija tal-paviment eżistenti, skavar, sostituzzjoni tal-main tal-ilma u l-konnessjonijiet tad-djar, il-bini ta’ bażi ġdida tal-konkos rinfurzat u t-tqegħid ta’ paviment ġdid aktar reżistenti għall-użu ta’ kuljum.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Proġetti tal-Komunità fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Nadia Gatt Curmi, u s-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern biex ikompli jinvesti fl-infrastruttura lokali madwar il-pajjiż. Hija sostniet li dawn l-interventi mhux biss isebbħu t-toroq, iżda jtejbu wkoll is-servizzi essenzjali u joħolqu ambjent aktar sigur u aċċessibbli għar-residenti.
Hija żiedet li l-kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali tibqa’ kruċjali biex jitwettqu proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet u jippreservaw il-karattru tal-lokalitajiet.
Min-naħa tagħha, il-Perit Nadia Gatt Curmi spjegat li x-xogħlijiet qed isiru skont standards tekniċi għoljin, b’enfasi fuq infrastruttura aktar b’saħħitha u servizzi aktar affidabbli li jservu lir-residenti għal snin twal.
Is-Sindku Christian Sammut irringrazzja lill-Ministeru u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-appoġġ u l-kollaborazzjoni, filwaqt li sostna li dawn l-interventi se jagħtu ħajja ġdida lil partijiet importanti tal-Ħamrun.
Waħda mill-aktar partijiet sinifikanti tal-proġett hija r-riġenerazzjoni ta’ Triq Atoċja, meqjusa bħala l-eqdem triq tal-Ħamrun. Minbarra t-titjib fl-infrastruttura, se jitħares u jissaħħaħ ukoll il-valur storiku u kulturali taż-żona, filwaqt li se jsir intervent ukoll fuq iż-żuntier tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Atoċja.
Sadanittant, ix-xogħlijiet fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh mexjin b’pass mgħaġġel. Wara li tlestew ix-xogħlijiet preparatorji u l-bażi tal-konkos, bħalissa għaddej it-tqegħid tal-paviment il-ġdid.
Il-proġett beda f’April ta’ din is-sena u huwa mistenni jitlesta sa Ottubru 2026. Dan se jkopri madwar 1,200 metru kwadru u se jwassal għal infrastruttura aktar moderna, servizzi mtejba taħt l-art u toroq ta’ kwalità aħjar għall-komunità Ħamruniża.












