Il-Ġonna ta’ San Anton bdew jgħaddu minn proġett estensiv ta’ konservazzjoni, manutenzjoni u restawr b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun, bil-għan li jitħares wieħed mill-aktar ġonna storiċi u prestiġjużi f’Malta.
Waqt żjara fuq il-post flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u uffiċjali ta’ Project Green, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern biex iħares il-patrimonju storiku u ambjentali tal-pajjiż, filwaqt li jiżgura li dawn l-ispazji jibqgħu siguri, aċċessibbli u ta’ kwalità għall-pubbliku.
Il-Ministru sostniet li l-Ġonna ta’ San Anton huma fost l-aktar spazji miftuħa ta’ importanza storika u kulturali f’Malta u li l-interventi se jservu biex jiġu ppreservati l-karatteristiċi uniċi tagħhom, sabiex jibqgħu jitgawdew kemm illum kif ukoll mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-ġonna, li jmorru lura għas-seklu sbatax u nbnew madwar il-Palazz ta’ San Anton, matul is-snin saru wieħed mill-aktar postijiet emblematiċi tal-pajjiż. Fihom kollezzjoni estensiva ta’ siġar maturi, pjanti ornamentali, monumenti u elementi arkitettoniċi ta’ valur storiku, li jagħmluhom patrimonju naturali u kulturali ta’ importanza nazzjonali.
Il-Kap tad-Disinn tal-Proġetti fi ħdan Project Green, Benjamin Vassallo, spjega li x-xogħlijiet se jitwettqu f’diversi fażijiet sabiex il-ġonna jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku matul il-proġett. Kull żona li titlesta terġa’ tinfetaħ qabel jibdew l-interventi fil-parti li jmiss.
Minħabba s-sensittività tas-sit, ix-xogħlijiet qed isiru b’attenzjoni partikolari. Fost l-aktar interventi delikati hemm it-tneħħija u s-sostituzzjoni taċ-ċangaturi eżistenti, fejn kull waħda qed tiġi eżaminata individwalment. Dawk li jinsabu f’kundizzjoni tajba qed jiġu nnumerati, ippreservati u installati mill-ġdid biex tinżamm kemm jista’ jkun l-awtentiċità storika tal-ġonna.
Dan il-proġett se jippermetti li l-pubbliku jkompli jgawdi l-Ġonna ta’ San Anton waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet, filwaqt li l-interventi ta’ konservazzjoni jsiru skont l-ogħla standards. Il-ħidma qed issir wara valutazzjoni teknika estensiva li identifikat il-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni tas-sit, li huwa skedat bħala Sit ta’ Grad 1.










