Il-Gvern ħabbar miżura temporanja ġdida biex ikompli jsaħħaħ il-benesseri tal-annimali, fejn il-karozzini mhux se jitħallew joperaw kull darba li l-Uffiċċju Meteoroloġiku joħroġ Red Alert – Extreme Heat Warning.
Din il-miżura, imħabbra mis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, se tidħol fis-seħħ permezz ta’ linji gwida maħruġa mid-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali. L-għan tagħha huwa li tipproteġi liż-żwiemel minn kundizzjonijiet ta’ sħana qawwija li jistgħu jkunu ta’ riskju għal saħħithom, b’mod partikolari meta jkunu qed jiġbdu l-karozzini.
Fl-aħħar ġimgħat Malta esperjenzat temperaturi għoljin ħafna, li jistgħu jħallu impatt negattiv fuq il-benesseri tal-annimali. Għalhekk, il-miżura qed titqies bħala waħda preventiva, ibbażata fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw liż-żwiemel.
Qabel ittieħdet id-deċiżjoni, is-Segretarjat Parlamentari u d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kuċċiera. Id-diskussjonijiet wasslu għal qbil sabiex, kull meta tinħareġ twissija ta’ sħana estrema, il-kuċċiera jwaqqfu l-operat tagħhom b’mod volontarju. Dan kompla jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur favur il-benesseri tal-annimali.
Alicia Bugeja Said qalet li din il-miżura tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jqiegħed il-benesseri tal-annimali fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tiegħu. Hija sostniet li huwa dmir tal-awtoritajiet li jieħdu passi preventivi biex jipproteġu lill-annimali minn kundizzjonijiet li jistgħu jagħmlulhom ħsara, filwaqt li jkomplu jaħdmu id f’id mal-operaturi biex tiġi mħarsa wkoll it-tradizzjoni tal-karozzini.
Is-segretarju parlamentari rringrazzjat lill-kuċċiera għall-kooperazzjoni tagħhom, kif ukoll lill-għaqdiet u l-attivisti favur il-ħarsien tal-annimali li komplew iqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-benesseri tagħhom. Hija saħqet li permezz tad-djalogu u l-kollaborazzjoni jistgħu jinstabu soluzzjonijiet li jservu l-aħjar interess tal-annimali.
Id-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Dennis Sciberras, qal li dawn il-linji gwida huma mfassla biex isaħħu l-protezzjoni taż-żwiemel waqt kundizzjonijiet ta’ sħana estrema u huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni.
Min-naħa tagħhom, il-kuċċiera laqgħu l-miżura. Charlie Barbara, rappreżentant tal-kuċċiera tal-karozzini tar-Rabat, qal li s-saħħa taż-żwiemel tibqa’ prijorità assoluta u esprima sodisfazzjon għall-bilanċ li nstab bejn il-ħarsien tal-annimali u t-tradizzjoni Maltija tal-karozzini.
Il-miżura se tidħol fis-seħħ permezz ta’ Linji Gwida maħruġa skont ir-Regolament 6 tar-Regolamenti dwar l-Użu tal-Karozzini (S.L. 439.22), li se jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Dan huwa pass ieħor li jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern favur standards ogħla fil-ħarsien u l-benesseri tal-annimali, filwaqt li jippromwovi soluzzjonijiet responsabbli u sostenibbli b’kollaborazzjoni mal-partijiet kollha involuti.








