Ħ’Attard għandu spazju pubbliku ġdid għall-familji u r-residenti, hekk kif ġiet inawgurata l-Pjazza Tommaso Dingli wara proġett estensiv li biddel żona li qabel kienet iddominata mill-vetturi f’pjazza moderna, ħadra u miftuħa għal kulħadd.
Il-proġett, li twettaq minn Infrastructure Malta bħala parti mill-inizjattiva Vjal Kulħadd, għandu l-għan li jagħti aktar spazju lin-nies permezz tal-ħolqien ta’ żoni aktar aċċessibbli, sostenibbli u addattati għall-komunità.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard sostna li investimenti bħal dawn ma jfissrux biss xogħlijiet infrastrutturali, iżda investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Huwa spjega li meta jinħolqu spazji pubbliċi ta’ dan it-tip, ikunu qed jissaħħu l-komunitajiet u jinħoloq ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru qal li din il-pjazza hija parti minn sensiela ta’ proġetti li qed jitwettqu taħt il-programm Vjal Kulħadd, li qed ibiddel diversi spazji urbani madwar il-pajjiż sabiex jagħtu prijorità lin-nies aktar milli lill-karozzi. F’dan il-kuntest semma wkoll il-pjazza l-ġdida fl-Imsida u l-proġett li għaddej qrib il-Junior College, fejn triq li kienet tintuża mit-traffiku se tinbidel f’żona pedonali u rikreattiva.
Il-proġett f’Ħ’Attard jinkludi madwar 1,500 metru kwadru ta’ spazju aħdar, b’50 siġra ġdida li se joffru aktar dell naturali, jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-arja, inaqqsu l-effett tas-sħana fil-qalba tal-lokalità u jkomplu jsaħħu l-bijodiversità.
Fost il-karatteristiċi ewlenin tal-pjazza hemm ukoll sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita permezz ta’ ġibjun taħt l-art, sabiex dan l-ilma jerġa’ jintuża għat-tisqija tal-pjanti u għat-tindif tal-pjazza. Skont il-Ministru, dan huwa pass ieħor lejn użu aktar sostenibbli tar-riżorsi.
Jonathan Attard irringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, lil Infrastructure Malta, lill-professjonisti u lill-ħaddiema kollha involuti fil-proġett, kif ukoll lir-residenti tal-paċenzja u l-kooperazzjoni tagħhom tul il-perjodu tax-xogħolijiet. Huwa sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fi proġetti li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies u li jsaħħu l-komunitajiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, qal li l-pjazza hija ħafna aktar minn proġett infrastrutturali, peress li toffri spazju ġdid fejn il-komunità tista’ tiltaqa’, tqatta’ ħin flimkien u tgawdi ambjent aktar sigur u aċċessibbli. Huwa sostna li permezz tal-programm Vjal Kulħadd, Infrastructure Malta qed tkompli tagħti lura aktar spazji pubbliċi lin-nies.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħ’Attard, Stefan Cordina, qal li l-Kunsill Lokali kien applika biex il-lokalità tibbenefika minn din l-iskema u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-proġett issa sar realtà għall-ġid tar-residenti.
L-inawgurazzjoni ġiet fi tmiemha b’attività għall-familja kollha li kienet tinkludi mużika, logħob interattiv, artiġjanat u diversi wirjiet oħra.










