Eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti qed igawdu l-bajjiet Maltin matul dawn ix-xhur tas-sajf, u dan wara sensiela ta’ interventi li saru f’19-il bajja madwar il-pajjiż biex jitjiebu l-faċilitajiet u l-aċċessibbiltà.
Ix-xogħlijiet twettqu mill-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, li ffukat fuq titjib li jagħmel iż-żoni kostali aktar siguri, komdi u funzjonali għal dawk kollha li jżuruhom.
Waqt żjara fuq waħda mill-bajjiet fejn saru dawn l-interventi, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li l-investiment fi spazji pubbliċi ta’ kwalità jibqa’ prijorità sabiex il-familji u l-viżitaturi jkollhom ambjent aħjar fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Hija sostniet li l-bajjiet huma fost l-aktar postijiet popolari matul is-sajf u għalhekk hemm bżonn li jibqa’ jsir investiment kontinwu fil-faċilitajiet u fl-aċċessibbiltà tagħhom.
Il-Ministru appellat ukoll lill-pubbliku biex jagħti sehmu sabiex dawn iż-żoni jibqgħu nodfa, filwaqt li fakkret fil-kampanja “Xummiemu m’għandux vaganzi. Inżommu Nadif!”, li tħeġġeġ lil kulħadd jarmi l-iskart b’mod responsabbli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Dennis Vella, spjega li x-xogħlijiet kienu r-riżultat ta’ ppjanar u koordinazzjoni biex il-faċilitajiet ikunu lesti qabel il-qofol tal-istaġun tas-sajf.
Barra minn hekk, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni qed iwettqu xogħol kontinwu ta’ tindif u manutenzjoni biex il-bajjiet jibqgħu f’kundizzjoni tajba u jilqgħu bl-aħjar mod lill-eluf ta’ persuni li jżuruhom kuljum.
Fost l-interventi li saru kien hemm l-installazzjoni u t-titjib ta’ seba’ torrijiet tas-salvataġġ, aktar minn 900 metru ta’ passaġġi għall-mixi, 67 reċipjent għall-iskart, 14-il doċċa, erba’ kmamar għat-tibdil tal-ħwejjeġ, għaxar slielem għall-baħar u erba’ tabelli ta’ informazzjoni. Dawn ix-xogħlijiet twettqu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
L-interventi kienu mifruxa fuq diversi bajjiet madwar Malta, fosthom Mellieħa Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa, Buġibba Perched Beach, Qawra Point, Fond Għadir, St George’s Bay u Fajtata Bay, kif ukoll f’Baħar iċ-Ċagħaq, Balluta Bay, St Thomas Bay, Tal-Magħluq, Għar l-Aħmar, Pretty Bay, Wignacourt, is-Simenta u ż-żoni tal-Armier u Little Armier.
Permezz ta’ dawn l-investimenti, il-bajjiet Maltin qed ikomplu joffru esperjenza aħjar, aktar sigura u aktar aċċessibbli kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi matul l-istaġun tas-sajf.












