Daħal fis-seħħ Avviż Legali ġdid li jsaħħaħ l-infurzar tal-liġi billi jirdoppja l-multi li jingħataw fuq il-post, b’dawn jiżdiedu minn €25 għal €50.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, fejn spjega li din il-miżura hija parti minn ħidma usa’ biex ikun hemm aktar ordni u rispett fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru sostna li infurzar aktar effettiv huwa essenzjali biex ir-regoli ma jibqgħux biss miktuba fil-liġi, iżda jiġu osservati fil-prattika. Huwa qal li meta l-liġi tiġi infurzata b’mod serju u konsistenti, il-benefiċċju jkun ta’ kulħadd għax jinħoloq ambjent aktar organizzat u aktar sigur.
Robert Abela enfasizza li l-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex ir-regoli jiġu rispettati u biex tissaħħaħ il-kultura ta’ responsabbiltà u rispett lejn il-komunità.
Il-miżura l-ġdida, li daħlet fis-seħħ illum, tfisser li l-multa standard mogħtija fuq il-post għal ċertu ksur issa hija ta’ €50 minflok €25, bil-għan li sservi ta’ deterrent aktar b’saħħtu u tkompli ttejjeb il-livell ta’ osservanza tal-liġijiet.








