Il-kittieb u poeta Malti Immanuel Mifsud ġie onorat bil-Midalja Ewropea Homer tal-Poeżija u l-Arti għall-2026, rikonoxximent prestiġjuż li jingħata lil awturi u artisti li jkunu taw kontribut importanti lill-letteratura u l-arti fuq livell internazzjonali.
Il-midalja ġiet ippreżentata waqt ċerimonja fil-preżenza tal-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea, il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli, u l-President tal-Midalja Ewropea Homer tal-Poeżija u l-Arti Dariusz Tomasz Lebioda.
Immanuel Mifsud kien wieħed minn żewġ rebbieħa tal-edizzjoni tal-2026, flimkien mal-poeta u rumanzier Sirjan-Kurd Salim Barakat. Il-ġurija għażlet lil Mifsud għall-mod profond u sinċier kif, permezz tal-kitba tiegħu, jesplora temi bħall-memorja, l-identità, il-familja, it-trawma u l-esperjenza umana.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea qal li dan il-premju mhux biss jagħti ġieħ lill-kisbiet personali ta’ Mifsud, iżda jkompli jsaħħaħ il-preżenza tal-letteratura Maltija fix-xena internazzjonali. Żied li suċċessi bħal dawn huma ta’ ispirazzjoni għall-kittieba emerġenti u juru l-importanza li l-awturi Maltin jingħataw aktar opportunitajiet biex jilħqu qarrejja barra minn Malta.
Min-naħa tiegħu, il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli ddeskriva dan ir-rikonoxximent bħala mument ta’ kburija għal Malta kollha. Huwa sostna li l-karriera ta’ Immanuel Mifsud turi kif stejjer imsejsa fuq l-esperjenzi Maltin jistgħu jolqtu lill-qarrejja madwar id-dinja, filwaqt li tenna l-impenn tal-Kunsill biex ikompli joħloq opportunitajiet internazzjonali għall-artisti u l-kittieba Maltin.
Meta aċċetta l-unur, Immanuel Mifsud qal li jħossu tassew onorat li xogħlu qed jiġi rikonoxxut lil hinn minn Malta. Huwa rrimarka li kull unur iġib miegħu wkoll responsabbiltà, u rringrazzja lill-pubblikaturi, lit-tradutturi, lill-qarrejja tiegħu, lill-Kunsill Malti għall-Arti u lill-Ministeru għall-Kultura għall-appoġġ tagħhom tul is-snin.
Immanuel Mifsud huwa wieħed mill-aktar kittieba kontemporanji magħrufa ta’ Malta, b’karriera li tinkludi poeżija, rumanzi, novelli, drammi u kritika letterarja. Fost ir-rikonoxximenti li kiseb hemm il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura fl-2011 u diversi Premjijiet Nazzjonali tal-Ktieb. Huwa wkoll Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu u l-ewwel kittieb Malti li ġie mistieden mil-Librerija tal-Kungress fl-Istati Uniti.
Il-Kunsill Malti għall-Arti kompla jtenni li, permezz tal-ħidma tiegħu fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni, se jkompli jappoġġja lill-kittieba Maltin biex iwessgħu l-preżenza tagħhom barra minn Malta permezz ta’ traduzzjonijiet, pubblikazzjonijiet u kollaborazzjonijiet kulturali internazzjonali.










