Investiment ta’ kważi €3 miljun se jmur biex jappoġġja 31 proġett awdjoviżiv Malti permezz tal-Iskema tal-Appoġġ għall-Iscreen, hekk kif tħabbru r-riżultati tal-ewwel ħames fergħat tal-iskema. B’kollox ġew allokati €2,883,916 għal proġetti li jinkludu kitba għall-iskrin, żvilupp ta’ produzzjonijiet, films qosra, films twal u programmi kulturali.
Il-proġetti magħżula jkopru firxa wiesgħa ta’ produzzjonijiet, fosthom xogħlijiet ta’ finzjoni, dokumentarji, animazzjoni u programmi kulturali. L-għajnuna finanzjarja se tappoġġja lill-kreattivi f’kull stadju tal-proċess kreattiv, mill-ewwel idea u r-riċerka sal-produzzjoni u t-tħejjija biex ix-xogħol jitwassal kemm lill-pubbliku lokali kif ukoll lil udjenzi internazzjonali.
L-ewwel fergħa tal-iskema allokat €145,288 lil sitt proġetti għall-kitba ta’ skripts u r-riċerka, filwaqt li t-tieni fergħa investiet €538,628 fi 12-il proġett li jinsabu fl-istadju tal-iżvilupp.
Sadanittant, erba’ films qosra ngħataw total ta’ €140,000 taħt it-tielet fergħa. L-akbar investiment sar permezz tar-raba’ fergħa, li rat sitt produzzjonijiet twal jirċievu total ta’ €2 miljun, b’għotjiet li jvarjaw bejn €103,000 u €450,000. Barra minn hekk, tliet programmi kulturali għal stazzjonijiet privati tax-xandir ingħataw €20,000 kull wieħed, għal investiment ta’ €60,000.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea sostna li dan l-investiment huwa parti mill-Viżjoni Malta 2050 u juri l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ l-industrija tal-films f’Malta. Huwa qal li permezz ta’ din l-iskema qed jiġu appoġġjati artisti u produtturi lokali sabiex jiżviluppaw xogħol ta’ kwalità u jkunu jistgħu jikkompetu wkoll fuq livell internazzjonali.
Il-Ministru żied li l-iskema qed twettaq ukoll wegħda elettorali u se tibqa’ titnieda kull sena, filwaqt li l-fondi allokati għaliha huma mistennija jkomplu jiżdiedu skont il-ħtiġijiet tas-settur.
Iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, enfasizza li industrija awdjoviżiva b’saħħitha teħtieġ investiment tul il-proċess kollu tal-produzzjoni, mill-kitba sal-internazzjonalizzazzjoni, filwaqt li d-Direttur tal-Fondi tal-Kunsill, Rita Falzon, spjegat li l-iskema hija mfassla biex toffri appoġġ fl-istadju li fih kull proġett ikollu l-aktar bżonn finanzjament.
Intant, is-sitt fergħa tal-Iskema tal-Appoġġ għall-Iscreen tibqa’ miftuħa għall-applikazzjonijiet sat-18 ta’ Novembru 2026. Din hija mmirata biex tappoġġja l-promozzjoni internazzjonali ta’ films u produzzjonijiet awdjoviżivi Maltin permezz ta’ festivals, swieq internazzjonali, distributuri u aġenti tal-bejgħ.
Ir-riżultati dettaljati tal-ewwel ħames fergħat tal-iskema huma disponibbli fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti: http://www.artscouncil.mt











