Tlestiet b’suċċess l-ewwel fażi tal-proġett ta’ rinnovazzjoni u modernizzazzjoni ta’ Dar il-Ġmiel fl-Imtarfa, b’investiment ta’ madwar €970,000. Dan l-investiment għandu l-għan li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet, il-kura u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani residenti f’din il-faċilità.
L-ewwel fażi tal-proġett ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista.
Dr Borg qal li huwa dmir tal-Gvern li jiżgura li l-anzjani, li taw kontribut importanti lill-iżvilupp ta’ pajjiżna, jgħixu f’ambjent li joffrilhom aktar kumdità, sigurtà u dinjità. Huwa saħaq li l-investiment ta’ kważi miljun ewro f’Dar il-Ġmiel juri l-importanza li qed tingħata lit-titjib tas-servizzi u tal-faċilitajiet għall-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li dan l-investiment imur lil hinn mir-rinnovazzjoni tal-bini, hekk kif jikkontribwixxi wkoll għall-benesseri, is-sigurtà u d-dinjità tal-anzjani. Huwa tenna li l-ħidma se tkompli biex ir-residenzi għall-anzjani jibqgħu jilħqu standards għoljin ta’ kwalità u kura.
Ix-xogħlijiet saru f’fażijiet biex is-servizzi jibqgħu għaddejjin u jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq ir-residenti. Il-proġett sar grazzi għall-ħidma koordinata tat-tim tal-Proġetti fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, flimkien mal-management, il-professjonisti, il-kuntratturi u l-ħaddiema involuti.
Ix-xogħlijiet inkludew ir-rinnovazzjoni tal-kmamar tar-residenti u taż-żoni komuni, għamara u tagħmir ġdid, titjib fis-sistemi tal-elettriku, tal-ilma u tal-arja kkundizzjonata, kif ukoll sistemi ta’ sigurtà aktar moderni, fosthom fire alarm ġdid, CCTV u ġeneratur ta’ emerġenza. Ġew modernizzati wkoll l-istazzjonijiet tal-infermiera u ż-żoni amministrattivi.
Parti mill-proġett kienet ukoll l-istabbiliment ta’ Smart Care Demonstration Room, li se tintuża biex jiġu introdotti u evalwati teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-kura tal-anzjani.
Dr Borg u Dr Debattista rringrazzjaw lil Steve Agius, lill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, lit-tim tal-Proġetti, lill-management u lill-ħaddiema kollha li taw il-kontribut tagħhom biex jitlesta dan il-proġett. Huma rringrazzjaw ukoll lir-residenti u lill-familji tagħhom għall-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċess.
Il-proġett huwa parti mill-ħidma biex ikompli jsir investiment f’faċilitajiet residenzjali aktar moderni, siguri u aċċessibbli, li jiżguraw ambjent ta’ kwalità u li jirrispetta d-dinjità u l-benesseri tal-anzjani.












