Ilbieraħ fil-Mosta kompliet tiġi żviluppata tradizzjoni ta’ ħidma artistika u kreattiva mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, hekk kif ġie ppreżentat proġett li jkompli fuq inizjattiva li bdiet sentejn ilu.
Il-qofol tal-proġett huwa statwa maħduma mill-artist Shawn Saliba, li tirrappreżenta lis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija bħala s-‘Soċjetà tal-Protagonisti’. Ix-xogħol artistiku jagħti forma konkreta lill-identità u lill-ispirtu tas-Soċjetà, filwaqt li jkompli juri l-importanza tal-arti u l-kreattività fil-ħajja tal-festa Maltija.
Il-proġett huwa wkoll xhieda tal-impenn tas-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Istilla, li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed tkompli tagħti kontribut attiv lill-ħajja tas-Soċjetà u lill-kultura tal-festa fil-Mosta.
L-Allegorija tas-Soċjetà għalhekk mhijiex biss xogħol artistiku, iżda tirrappreżenta wkoll il-ħidma, il-parteċipazzjoni u l-identità ta’ komunità li tul is-snin kompliet tibni tradizzjoni bbażata fuq id-dedikazzjoni u l-imħabba lejn il-festa.
Prosit lis-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Istilla għal din l-inizjattiva u għall-ħidma kontinwa tagħhom biex ikomplu jżommu ħajja l-kreattività u l-entużjażmu tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar fi ħdan il-kultura tal-festa tal-Mosta.








