L-Imtarfa se jkollha żewġ spazji ġodda għall-komunità hekk kif għaddej ix-xogħol fuq żewġ proġetti ta’ riġenerazzjoni li qed jittrasformaw art li għal diversi snin baqgħet ma tintużax f’żoni ħodor u rikreattivi.
Il-proġetti qed jitwettqu minn Project Green b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u jinkludu ġnien b’siġar tal-frott fuq medda ta’ madwar 3,000 metru kwadru u spazju ieħor ta’ madwar 550 metru kwadru fiż-żona ta’ Depiro.
Il-progress tax-xogħlijiet ġie segwit mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli waqt żjara fiż-żewġ siti, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Project Green u tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa.
Wieħed mill-proġetti jinsab fiż-żona tal-eks barracks tal-Imtarfa, fejn madwar 3,000 metru kwadru ta’ art qed jinbidlu f’ġnien b’siġar tal-frott. B’kollox, f’dan il-ġnien se jitħawlu madwar 160 siġra tal-frott, li se jżidu b’mod sostanzjali l-ammont ta’ veġetazzjoni fis-sit u jagħtuh karattru aktar naturali.
Il-proġett mhux se jkun limitat għat-tħawwil tas-siġar. Se jkun hemm ukoll aktar bankijiet u għamara urbana, żoni għall-mistrieħ u r-rikreazzjoni, kif ukoll spazji li jistgħu jintużaw għal attivitajiet edukattivi. Parti importanti mix-xogħol hija wkoll ir-restawr tal-ġibjuni eżistenti, li huma fost l-elementi storiċi li jikkaratterizzaw dan is-sit.
F’din iż-żona għaddej ukoll xogħol mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Meta jitlesta, il-ġnien għandu joffri lill-pubbliku mhux biss spazju fejn igawdi n-natura, iżda wkoll opportunità biex jitgħallem aktar dwar is-siġar tal-frott u l-ambjent.
It-tieni intervent jinsab fiż-żona magħrufa bħala Depiro, bejn id-Depiro Sports Complex, il-pjazza prinċipali tal-Imtarfa u ż-żona residenzjali. Dan is-sit, li jkopri madwar 550 metru kwadru u li għal snin baqa’ ma jintużax, qed jinbidel fi spazju miftuħ u aktar aċċessibbli għall-komunità.
Bħala parti minn dan il-proġett se jitħawlu siġar u arbuxxelli ġodda, filwaqt li se tinħoloq ukoll faċilità għall-basketball. Se jiġu installati bankijiet u għamara urbana, kif ukoll arbli tad-dawl li jaħdmu bl-enerġija solari. B’hekk, l-ispazju jkun jista’ jintuża b’mod aktar sigur anke matul is-sigħat ta’ filgħaxija.
Ix-xogħol qed isir b’koordinazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u d-Depiro Sports Complex, bil-għan li ż-żona tingħata użu ġdid u tkun ta’ benefiċċju dirett għar-residenti.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dawn iż-żewġ interventi qed jagħtu ħajja ġdida lil spazji li għal żmien twil ma kinux qed jintużaw. Hija spjegat li f’wieħed mis-siti se jinħoloq ġnien b’madwar 160 siġra tal-frott, filwaqt li fit-tieni sit se jingħaqdu l-elementi naturali ma’ spazju għall-isport u r-rikreazzjoni.
Skont il-Ministru, l-għan ewlieni ta’ dan l-investiment huwa li jinħolqu aktar spazji ħodor qrib iż-żoni residenzjali u ambjenti ta’ kwalità li jistgħu jintużaw mit-tfal, iż-żgħażagħ, il-familji u l-komunità inġenerali.
Min-naħa tagħha, Liana Saliba Gazzano, il-Kap tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti fi ħdan Project Green, qalet li permezz ta’ dawn l-interventi qed ikompli l-investiment biex spazji eżistenti jinbidlu f’żoni aktar ħodor, aċċessibbli u utli għall-komunità.
Iż-żewġ proġetti huma mfassla biex iżidu l-preżenza tan-natura fl-Imtarfa, filwaqt li jipprovdu wkoll faċilitajiet għall-mistrieħ, ir-rikreazzjoni u l-attività fiżika, b’attenzjoni partikolari għall-karatteristiċi ta’ kull sit.








