Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikompli bil-ħidma tiegħu fil-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, fejn qed isiru diversi interventi biex jittejbu l-faċilitajiet u tissaħħaħ is-sigurtà tal-ambjent li fih jingħataw servizzi importanti lill-komunità.
Fost ix-xogħlijiet li qed isiru hemm ir-rikostruzzjoni tal-ħajt tal-Komunità, li issa waslet fl-aħħar stadji tagħha. L-intervent beda wara li ġie identifikat riskju għas-sigurtà kkawżat mid-deterjorament ta’ parti mill-ħajt.
Ix-xogħlijiet qed isiru wara talba għal assistenza minn Caritas Malta, u wara li d-Dipartiment wettaq l-istħarriġ tekniku meħtieġ fuq il-post. Bħala parti mill-intervent, tneħħew b’mod ikkontrollat dawk is-sezzjonijiet tal-ħajt li ma baqgħux strutturalment sodi, filwaqt li nżammu l-partijiet li kienu għadhom fi stat tajjeb.
Il-ħajt qed jerġa’ jinbena bil-ġebla tal-franka biex jinżamm il-karattru eżistenti tas-sit. Fl-istess waqt, qed jiġu installati sistemi ta’ drenaġġ sabiex titnaqqas il-pressjoni tal-ilma wara l-ħajt u tissaħħaħ l-istabbiltà tiegħu fit-tul.
Dan l-intervent huwa parti minn ħidma usa’ tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ma’ komunitajiet, entitajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar Malta u Għawdex. Permezz ta’ din il-ħidma, id-Dipartiment jipprovdi l-assistenza teknika tiegħu biex jittejbu l-ispazji u l-faċilitajiet fejn jingħataw servizzi essenzjali, b’attenzjoni partikolari għas-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-ambjent.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u d-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt. Matul iż-żjara ġie spjegat l-andament tax-xogħlijiet, li jinsabu fi stadju avvanzat u qed jitwettqu skont il-pjan u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa eżempju tal-ħidma konkreta tal-Gvern biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet li għandhom rwol importanti fil-komunità. Hija sostniet li investiment fl-infrastruttura ta’ organizzazzjonijiet bħall-Caritas huwa wkoll investiment dirett fin-nies, filwaqt li enfasizzat l-importanza li jiġu indirizzati riskji għas-sigurtà u jingħata l-appoġġ meħtieġ biex dawn l-organizzazzjonijiet ikomplu jwettqu l-ħidma tagħhom.
Il-Perit Stephen Bonello spjega li x-xogħlijiet qed isiru skont standards tekniċi għoljin, b’attenzjoni partikolari għas-saħħa strutturali u s-sigurtà, filwaqt li qed jinżammu l-karatteristiċi tal-ambjent eżistenti.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt irringrazzja lill-Ministeru u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-assistenza u l-kollaborazzjoni tagħhom, u qal li dan l-intervent se jkompli jikkontribwixxi għal ambjent aktar sigur għall-persuni li jagħmlu użu mill-Komunità Terapewtika ta’ San Blas.
Bil-ħajt issa kważi lest, ix-xogħlijiet li fadal jinkludu l-aħħar finituri, it-tindif tas-sit u spezzjoni finali biex jiġi żgurat li l-intervent ikun tlesta skont l-istandards meħtieġa ta’ kwalità u sigurtà.











