Fl-20 ta’ Settembru se ssir attività ġdida ddedikata għall-motorsport u għall-familja, meta fil-Ħal Far Motor Way se jittella’ The Malta Motorsport Federation Festival Għall-Istrina, inizjattiva tal-Malta Motorsport Federation li l-qligħ tagħha se jmur kollu għall-Malta Community Chest Fund (MCCF).
Il-festival, organizzat mill-Malta Motorsport Federation flimkien mal-MCCF, se jlaqqa’ flimkien mijiet ta’ vetturi lussużi, sportivi u klassiċi, kif ukoll muturi u trakkijiet, f’avveniment li mistenni jkun fost l-akbar attivitajiet tal-motorsport ta’ din ix-xorta li qatt saru f’Malta.
L-attività tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ħal Far Race Way, fejn se jkun qed isir il-festival, u li kienet indirizzata mill-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, u mill-President tal-Malta Motorsport Federation, Duncan Micallef.
Il-President ta’ Malta spjegat li din l-inizjattiva twieldet mix-xewqa li l-passjoni tal-eluf ta’ dilettanti tal-motorsport f’Malta tingħaqad ma’ għan nobbli, dak li jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Hija saħqet ukoll fuq il-ħidma li saret matul dawn l-aħħar xhur sabiex il-festival joffri programm varjat u jkun jista’ jattira persuni ta’ kull età, b’ġurnata sħiħa ta’ divertiment għall-familja kollha. Fuq kollox, enfasizzat li l-għan ewlieni tal-attività jibqa’ dak li jinġabru fondi biex l-MCCF tkun tista’ tkompli tgħin lil dawk li jirrikorru għandha f’mumenti ta’ bżonn.
Min-naħa tiegħu, Duncan Micallef spjega li matul il-festival il-kwart ta’ mil tat-trakka se jinbidel f’wirja statika b’ammont kbir ta’ vetturi. Fl-istess waqt se jkun hemm diversi spettakli relatati mal-karozzi, fosthom wirja ta’ drag racing organizzata mill-Malta Drag Racing Association.
Il-programm se jkompli matul il-ġurnata kollha b’diversi attivitajiet oħra, fosthom car simulators, go-karting u divertiment għall-familja, flimkien ma’ għażla ta’ ikel u xorb. Diversi importaturi lokali tal-karozzi wkoll ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom u se jkunu qed jesebixxu l-vetturi tagħhom.
Il-biljetti għall-attività huma diġà disponibbli fuq showshappening.com bi prezz ta’ €10 għall-adulti u €5 għat-tfal.
Sidien ta’ vetturi, kemm jekk membri ta’ klabbs kif ukoll jekk le, li jixtiequ jipparteċipaw billi jesebixxu l-vettura tagħhom jistgħu wkoll jiksbu biljett apposta mill-istess sit.
The Malta Motorsport Federation Festival Għall-Istrina qed isir bl-għajnuna ta’ Transport Malta, LESA, il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li qed jikkontribwixxu fl-organizzazzjoni tal-attività. Il-festival għandu wkoll l-appoġġ tas-Social Causes Fund, Enemed, Visit Malta, Malta Drag Racing Association u l-Malta Motorsport Federation.













