Matul l-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena saru mijiet ta’ interventi ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni f’madwar 10 kilometri ta’ spazji pubbliċi f’22 lokalità madwar Malta, permezz tal-ħidma tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi.
L-interventi għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ispazji pubbliċi u jagħmluhom aktar nodfa, siguri, aċċessibbli u akkoljenti kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi.
Dan tħabbar waqt żjara tal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Dennis Vella, fi Ġnien Hubbard, Bormla. Matul iż-żjara ngħatat ħarsa lejn il-ħidma li saret mill-Aġenzija bejn Jannar u Lulju u lejn l-interventi li qed ikomplu jtejbu diversi spazji pubbliċi madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dawn l-interventi huma parti mill-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fi spazji pubbliċi ta’ kwalità li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet u jsaħħu wkoll l-esperjenza tal-viżitaturi. Hija sostniet li kull intervent, kemm jekk ikun it-tiswija ta’ bank, it-tisbiħ ta’ promenade jew it-titjib tas-sigurtà u l-aċċessibbiltà, jagħmel differenza konkreta fl-ambjent li fih jgħixu u jiltaqgħu n-nies.
Il-Ministru żiedet li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali u ma’ entitajiet oħra biex aktar lokalitajiet jibbenefikaw minn investimenti li jsebbħu l-pajjiż u joħolqu spazji pubbliċi moderni, sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv Dennis Vella spjega li l-Aġenzija tkompli taħdem b’mod proattiv f’diversi lokalitajiet, f’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet pubbliċi oħra, sabiex twettaq interventi ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni skont il-ħtiġijiet ta’ kull lokalità.
Bejn Jannar u Lulju ġew installati jew irranġati madwar 500 bank, 30 arblu tad-dawl, 100 sinjal, 100 planter, kif ukoll bollards u bins. Sar ukoll tisbiħ fuq 9,685 metru ta’ ħitan u taħt il-bankini, filwaqt li ġew restawrati u msewwija 2,524 metru ta’ railings f’diversi spazji pubbliċi.
Minbarra dan, l-Aġenzija armat u żarmat madwar 800 bankarella użata waqt attivitajiet soċjali u kulturali organizzati fi 38 lokalità madwar Malta.
Matul l-istess perjodu, l-Aġenzija, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kienet ukoll responsabbli mill-installazzjoni ta’ diversi assi fuq il-bajjiet, fosthom showers, tabelli u kontenituri għall-iskart.
Parti mill-ħidma tiffoka wkoll fuq is-sostenibbiltà, fejn, kull meta jkun possibbli, assi eżistenti bħall-bankijiet jiġu rranġati u jingħataw ħajja ġdida minflok jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda. B’dan il-mod, il-ħidma ta’ tisbiħ u manutenzjoni tkompli ssir b’aktar effiċjenza filwaqt li jitnaqqas l-iskart u jiġi massimizzat l-użu tal-infrastruttura eżistenti.












