492 sena ilu, eżattament nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu 1534, miet il-Gran Mastru Fra Philippe Villiers de L’Isle Adam, f’waħda miċ-ċelel tal-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri fir-Rabat.
Il-Gran Mastru L’Isle Adam, li kien l-ewwel Gran Mastru li mexxa lill-Ordni tal-Kavallieri f’Malta wara l-wasla tagħhom fl-1530, baqa’ marbut mal-komunità Ġużeppina tar-Rabat. Dan minħabba l-għajnuna u l-benefiċċji li ta biex ikabbar il-Kunvent tal-Patrijiet kif ukoll is-Santwarju ta’ San Ġużepp. Huwa magħruf ukoll li, skont it-tradizzjoni antika, kien permezz tiegħu li nġiebet ix-xbieha ta’ San Ġużepp Inkurunat, magħrufa bħala “Ix-Xiħ”.
Il-wirt tiegħu fir-Rabat jibqa’ jidher ukoll permezz tal-Ewwel Banda Rabtija, il-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam, li ġġib ismu.
Ir-ritratti li ppublikat l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam, juru l-lapida li tfakkar il-jum tal-mewt tiegħu, li tinsab fuq il-bieb taċ-ċella fejn miet; il-lapida li tfakkar il-fdalijiet tiegħu, li jinsabu midfuna fil-Knisja ta’ Ġieżu skont ix-xewqa tiegħu stess; kif ukoll l-istatwa monumentali tiegħu li tiġi armata fil-jiem tal-Festa ta’ San Ġużepp.








